Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Ċelebrazzjonijiet kbar fl-Arġentina wara li t-tim nazzjonali temm stennija ta’ 36 sena

(Ritratt: EPA)

Huwa stmat li madwar żewġ miljun partitarju tat-tim Nazzjonali tal-Argentina ħonqu t-toroq ewlenin fil-kapitali Buenos Aires fil-mument li għat-tielet darba Argentina rebħet it-Tazza tad-Dinja FIFA.

Il-qofol fi Plaza Independencia u Plaza de Mayo kien meta fil-Lusail Stadium, Szmon Marciniak saffar tmiem il-partita u mal-preżentazzjoni tat-trofew mill-President tal-FIFA Gianni Infantino lil captain u protagonista f’din l-edizzjoni Lionel Messi. L-istess ċelebrazzjonijiet għandhom isiru mal-wasla tat-tim minn Doha u l-parata fit-toroq ewlenin bit-trofew.

Messi, li mexxa lil Arġentina għat-tielet titlu mirbuħ ingħaqad mal-captains tal-edizzjonijiet ta’ qabel Daniel Passarella fl-1978 u Diego Armando Maradona fl-1986. Messi falla biss milli jirbaħ iż-żarbun tad-deheb bħala l-aqwa scorer liema unur intrebaħ minn Kylian Mbappe bi tmien gowls wara t-tlett gowls li skorja fil-finali. Kien l-ewwel plejer li skorja tlett darbiet fil-finali wara Geoff Hurst li kien għamel l-istess fl-1966 fil-finali f’Wembley Stadium.