Sport Sport Ieħor

Ibburdjar: Benjamin Vassallo u Matthew Flores fuq quddiem fil-flotta ILCA wara bidu iebes minħabba kundizzjonijiet ta’ riħ ħafif

It-tieni ġurnata tal-Mapfre Euromed Regatta ħolqot frustrazzjoni fost il-flotta minħabba n-nuqqas ta’ riħ li kkawża tfixkil fl-iskeda tal-kompetizzjoni b’kundizzjonijiet tar-riħ ħafif waqqfu kull attentat ta’ tellieqa fil-flotta tal-Optimist.

Tibdil mill-Majjistral għall-Grigal ippermetta lill-flotot tal-ILCA 4 u ICLA 6 jtellqu f’tiġrija waħda wara nofsinhar. Bir-riħ jasal sa ‘ 5 mili nawtiċi fis-siegħa, il-veloċità minima meħtieġa biex tibda tiġrija, il-flotot setgħu jtellqu tiġrija mimlija tattika u li kull deċiżjoni kienet essenzjali biex jinkiseb riżultat tajjeb.

Fil-Klassi ILCA 4, Benjamin Vassallo minkejja li kklassifika fit-tielet post, żamm il-vantaġġ tiegħu, bi tmien punti. Ir-rebbieħ fit-tieni ġurnata, Jake Mallia, tela’ post fil-klassifika proviżorja bi ħdax-il punt, filwaqt li l-Bulgaru Mariyan Shangov, niżel fit-tielet post.

Malta kienet rappreżentata tajjeb ukoll fil-Klassi ILCA 6. Il-postijiet inbidlu fil-klassifika mill-ewwel ġurnata. Matthew Flores, proviżżjorament qiegħed fl-ewwel post, tliet punti qabel Jean Paul Zahra u Lacey Aquilina, bi 18-il punt kull wiehed fejn Aquilina rnexxielha tegħleb lill-favorita tar-regatta Irene De Tomás Perelló, li issa niżlet fir-raba’ post. Il-Kampjonati Internazzjonali Mapfre Euromed qed jiġu organizzati mill-Malta Young Sailors Club taħt l-awspiċji tal-Malta Sailing Federation.