Internazzjonali

Il-Kanada:  Ħames vittmi ta’ ‘mass shooting’ rari, bl-aggressur jinqatel ukoll f’konfront mal-pulizija

L-awtoritajiet Kanadiżi qegħdin jinvestigaw x’wassal għal sparatura fi blokk ta’ appartamenti fil-limiti ta’ Toronto u li fiha nqatlu ħames persuni — b’numru ta’ nies oħra jispiċċaw midruba.

Dawn it-tipi ta’ ‘mass shootings’ huma ħafna aktar rari fil-Kanada milli fl-Istati Uniti u l-isparatura xukkjat lill-poplu li mhux imdorri b’dawn l-isplużjonijiet ta’ vjolenza fi ħdan is-soċjetà Kanadiża.

L-isparatura seħħet fil-belt ta’ Vaughan, xi 30 kilometru lejn it-Tramuntana ta’ Toronto, bil-pulizija jwieġbu minnufih għall-emerġenza. Intant, l-aggressur spiċċa maqtul minn tiri wara konfront mal-istess pulizija u li d-dettalji tiegħu ma kenux ċari.

Ir-rapporti qalu li talanqas wieħed mill-midruba jinsab f’kundizzjoni serja, bl-awtoritajiet mhumiex qed jeskludu konnessjoni potenzjali bejn l-aggressur u l-vittmi.

Kelliema għall-pulizija qalu li l-uffiċjali tal-liġi li waslu fuq il-post tal-isparatura sabu quddiemhom xenarju mill-aktar xokkanti, b’numru ta’ mejtin jinstabu minxurin mal-art f’diversi appartamenti tal-bini.

Kien biss fl-aħħar sigħat, li l-Uffiċjali tal-Pulizija kkonfermaw li ma kienx hemm aktar theddida għall-pubbliku u wara li ma sabux indikazzjonijiet li l-aggressur – li baqa’ mhux identifikat – seta’ kellu l-kompliċi fir-reat. Intant, numru ta’ residenti tal-bini li spiċċaw evakwati waqt id-drama tħallew jirritornaw lejn djarhom wara li ngħata l-‘all-clear’.

Il-Kanada, fl-aħħar xhur, rat żieda fil-każi li jinvolvu l-vjolenza bl-armi tan-nar u bl-awtoritajiet jgħaddu leġislazzjoni biex jipprojbixxu l-pussess tal-handguns.

L-agħar reat fl-istorja riċenti tal-Kanada kien seħħ f’April tal-2020 meta raġel armat li libes l-uniformi ta’ pulizija spiċċa joqtol 22 persuna f’Nova Scotia. Dan il-qtil tal-massa wassal biex il-Kanada tipprojbixxi mal-1,500 tipi ta’ armi, fosthom azzarini ta’ kalibru militari, bil-għan li jkunu evitati sitwazzjonijiet ta’ aggrediment simili.