Issa konfermata – il-Gvern tal-Labour għażel li ma jagħtix refund sħiħ għall-flus kollha li insterqu lill-poplu Malti u Għawdxi mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Dan wara li l-Membri Parlamentari Laburisti vvutaw kontra l-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni biex il-Gvern iħallas lura l-ammont kollu li l-poplu nsteraq mill-kontijiet tad-dawl – fatt li kien konfermat fl-aħħar xhur mhux biss mill-Awditur Ġenerali, iżda saħansitra anke b’sentenza tal-Qorti.
Il-Partit Nazzjonalista kien ilu snin jappella lill-Gvern biex jiddefendi l-interessi tal-poplu Malti u appella lill-gvern iwettaq ġustizzja mal-poplu. Iżda l-Labour baqa’ sal-aħħar iwebbes rasu. Biex issa, għas-serq li seħħ qabel l-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena…il-Gvern mhu se jagħti lura lanqas ċenteżmu.
Is-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma ilu jseħħ sa minn meta kien elett il-Labour fil-Gvern ftit wara l-2013. Tant li anke l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien ammetta li hemm “anomalija”.
Deċiżjoni tal-Qorti li ttieħdet f’Lulju li għadda wkoll ikkonfermat li l-Gvern kien qed jisraq lill-poplu mill-kontijiet. Iżda l-miljuni misruqa għal snin sħaħ qatt ma ngħataw lura.
Issa, il-Gvern kellu l-aħħar ċans biex iwettaq ġustizzja. U meta ġie għall-vot…ma ddefendiex l-interessi tal-familji li insterqu.
Minn naħa l-oħra, il-PN se jkun qed jiftaħ kawża l-Qorti biex ikompli jiġġieled ħalli n-nies misruqa mill-kontijiet tad-dawl jieħdu lura l-flus kollha li huma tagħhom.
//= $special ?>