L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ivvutat kontra l-emendi għall-Kodiċi Kriminali li permezz tagħhom il-Gvern Laburista se jkun qed iddaħħal l-abort f’Malta.
Il-votazzjoni, 42 deputat favur l-emenda tal-Gvern u 34 deputat kontra, ttieħdet fis-seduta parlamentari tal-lum li fiha l-parlament iltaqa’ biex jieħu diversi voti fuq il-budget, fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u dwar l-emenda għall-Kodiċi Kriminali li permezz tagħha se jkun qed jiddaħħal l-abort.
Minkejja l-appella li sarulu minn diversi entitajiet u personalitajiet, il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma ressaq l-ebda bidla għall-emenda li biha se jkun qed jiddaħħal l-abort.
Permezz ta’ dan il-vot, issa l-emendi għall-Kodiċi Krimianli li permez tagħhom se jkun qed jiddaħħal l-abort f’Malta għaddew mill-istadju tat-Tieni Qari u se jmorru quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi fejn terġa’ ssir diskussjoni dettaljata dwar l-emendi mressqa mill-Gvern.
Minkejja l-vot tal-lum, anki fl-istadju ta’ Kumitat Parlamentari jistgħu jitressqu bidliet għal din l-emenda. Wara dan l-istadju jerġa’ jittieħed vot fil-parlament biex il-liġi wara tmur għall-approvazzjoni tal-President ta’ Malta u jekk tkun approvata tidħol fis-seħħ.
Il-Parlament aġġorna għall-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena u se jerġa’ jiltaqa’ fid-9 ta’ Jannar 2023.
//= $special ?>