Lokali

“Illum il-Parlament jivvota dwar l-Abbozz ta’ Liġi li bih Abela jrid idaħħal l-abort” – PN

Il-Membri Parlamentari kollha tal-PN se jivvotaw kontra d-dħul tal-abort f’pajjiżna

F’seduta li tibda llum fis-1pm, il-Parlament se jibda jivvota dwar l-Abbozz ta’ Liġi li permezz tiegħu, Robert Abela jrid idaħħal l-abort f’pajjiżna.

Id-diskussjoni dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi tinsab fi stadju tat-Tieni Qari u l-Parlament se jkun qed jivvota dwar l-Abbozz ta’ Liġi kif tressaq mill-Gvern. Wara dan l-istadju, ikun imiss li l-unika klawsola f’dan l-Abbozz ta’ Liġi tkun diskussa mill-Kumitat dwar l-Abbozzi tal-Liġijiet, f’laqgħa li tkun imsejħa mill-Gvern aktar ’il quddiem.

Robert Abela qed jibqa’ għaddej b’dan l-Abbozz ta’ Liġi biex idaħħal l-abort f’pajjiżna meta jaf li m’għandu l-ebda mandat elettorali mill-poplu Malti u Għawdxi biex jagħmel dan.

Il-Membri Parlamentari kollha tal-Partit Nazzjonalista huma magħqudin f’messaġġ wieħed u b’saħħtu kontra d-dħul tal-abort f’pajjiżna u pparteċipaw b’mod attiv u konsistenti fid-diskussjoni fil-Parlament.

Għalhekk, il-Membri Parlamentari kollha tal-Partit Nazzjonalista llum se jivvotaw kontra l-Abbozz ta’ Liġi, li permezz tiegħu Robert Abela jrid idaħħal l-abort f’pajjiżna.