Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Jista’ Mbappe jsir l-aqwa skorer ta’ kull żmien fl-edizzjoni li jmiss?

(Ritratt: EPA)

Għalkemm Kylian Mbappe spiċċa fuq in-naħa telliefa lbieraħ, kellu l-konsolazzjoni li jirbaħ iż-Żarbun tad-Deheb. Iżda aktar minn hekk, Mbappe kompla jitla’ fil-klassifika tal-aqwa skorers ta’ kull żmien fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja.

Mbappe skorja 12-il gowl f’14-il logħba u f’żewġ edizzjonijiet biss. B’hekk hu laħaq il-leġġenda Brażiljana Pelè u jinsab biss erba’ gowls bogħod mir-rekord ta’ 16-il gowl.

Dan ir-rekord jinsab għand Miroslav Klose li skorja s-16-il gowl f’erba’ edizzjonijiet. Hu segwit mill-Brażiljan Ronaldo li skorja 15-il gowl f’erba’ edizzjonijiet. Fit-tielet post ta’ din il-klassifika jinsab il-Ġermaniż Gerd Müller b’14-il gowl f’żewġ edizzjonijiet, bil-Franċiż Just Fontaine li skorja rekord 13-il gowl f’edizzjoni waħda biss.

Lionel Messi tela’ fil-ħames post ta’ din il-klassifika bis-seba’ gowls skorjati f’din l-edizzjoni. L-unika plejer attiv f’din il-klassifika hu Thomas Müller tal-Ġermanja b’10 gowls għalkemm din it-Tazza tad-Dinja probabbilment kienet l-aħħar waħda tiegħu.