Internazzjonali

L-Ukrajna: Splużjonijiet ġodda fi Kiev waqt attakk rari matul il-lejl

Il-belt ta’ Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, triegħdet minn sensiela ta’ splużjonijiet wara li l-qawwiet tar-Russja wettqu attakk rari fuq l-inħawi matul il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn. Filwaqt li ma nqatel ħadd, uħud mill-missili laqtu lill-infrastruttura importanti tal-kapitali u kkaġunaw il-blackouts madwar ir-reġjun.

L-attakki seħħew qabel iż-żjara li l-President Russu Vladimir Putin kellu jagħmel f’Minsk biex jiddiskuti s-sitwazzjoni fir-reġjun mal-President tal-Belarus Alexander Lukashenko.

Mhux eskluż, intant, li Putin jista’ qed jaħseb biex jipperswadi lil Lukashenko biex idaħħal pajjiżu fil-gwerra mal-Ukrajna bħala alleat ta’ Moska.

Filwaqt li l-bumbardamenti fuq l-Ukrajna saru ħaġa ta’ kuljum, ir-rejds fuq Kiev matul il-lejl mhumiex daqstant normali – bid-difiżi fil-kapitali Ukrena jwaqqgħu l-parti kbira tal-missili ta’ tip Iranjan li sparawlhom ir-Russi. Ingħad ukoll li ndarbu biss żewġ persuni li hi ċifra ferm baxxa f’ħin meta ħafna nies kienu reqdin waqt l-attakki fuq iz-zoni ċivili tal-kapitali Ukrena.