Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Messi l-aqwa plejer tat-tournament, Mbappe jirbaħ iż-Żarbun tad-Deheb

(Ritratt: EPA)

Qabel il-preżentazzjoni lit-tim Arġentin bħala r-rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja tħabbru r-rebbieħa tal-unuri individwali ta’ din l-edizzjoni. Lionel Messi rebaħ l-unur tal-Aqwa Plejer ta’ din l-edizzjoni. Il-plejer ta’ 35 sena spiċċa l-kompetizzjoni b’seba’ gowls u tliet assists minn seba’ logħbiet.

Dan kien it-tieni unur tiegħu wara li rebħu fl-2014. Minn meta ġie introdott dan l-unur fl-1982, l-ebda plejer qatt ma rebaħ l-unur iktar minn darba. Hu sar ukoll it-tieni plejer Arġentin li rebaħ dan l-unur wara Diego Armando Maradona fl-1986.

Il-Ballun tal-Fidda mar għand Kylian Mbappe, li rnexxielu jirbaħ iż-Żarbun tad-Deheb bħala l-Aqwa Skorer tal-kompetizzjoni bi tmien gowls. Il-plejer ta’ 23 sena li rebaħ l-aqwa plejer żagħżugħ fl-2018, għeleb lil Messi b’gowl. It-tmien gowls tiegħu hu l-iktar ammont ta’ gowls skorjati waqt fażi finali minn meta Gerd Müller skorja 10 gowls fl-1970.

It-tripletta ta’ Mbappe lbieraħ kienet it-tieni waħda waqt finali tat-Tazza tad-Dinja wara Geoff Hurst tal-Ingilterra fl-1966. Hu sar it-tieni Franċiż li rebaħ iż-Żarbun tad-Deheb wara Just Fontaine li kien skorja rekord ta’ 13-il gowl fl-1958.

Il-gowlkiper Arġentin Emiliano Martinez rebaħ l-Ingwanta tad-Deheb magħrufa aħjar bħala ‘Golden Glove’, bħala l-Aqwa Gowlkiper tal-edizzjoni. Hu rnexxielu ma jsofrix gowl fi tliet logħbiet u spikka b’mod partikolari waqt l-għoti tal-penalties kontra l-Olanda fil-kwarti tal-finali kif ukoll ilbieraħ.

L-Arġentina rebħet ukoll unur ieħor permezz ta’ Enzo Fernandez li sar l-ewwel Arġentin li rebaħ l-unur tal-Aqwa Plejer Żagħżugħ tal-FIFA. L-unur tal-Fair Play mar għand l-Ingilterra wara biss karta safra fil-kompetizzjoni kollha.