“Iva, dan huwa abort.”
Anke l-għaqdiet mhux governattivi li qed jikkampanjaw favur l-abort ikkonfermaw li din l-emenda għall-Kodiċi Kriminali se tkun qed tintroduċi l-abort f’pajjiżna.
Propju ftit qabel ma ttieħed il-vot dwar din l-emenda, l-għaqdiet Women’s Rights Foundation, Doctor’s for Choice u l-Moviment Graffitti ingħaqdu quddiem il-Parlament biex jitkellmu favur din il-liġi. Huma saħqu li huwa inaċċettabli li f’pajjiżna għad m’hawnx liġi li tipproteġi s-saħħa tal-mara, li qisuh bħala rikonoxximent bażiku importanti għall-protezzjoni tan-nisa.
L-għaqdiet, appellaw li dan il-vot għandu jkun favur li l-mara, tkun xi tkun is-sitwazzjoni, dejjem għandha jkollha għażla għat-terminazzjoni tat-tqala.
“Dan huwa abort, ħadd ma jista’ jgħid li dan muhiex abort.”
Dan filwaqt li saħqu li l-kliem tal-emenda m’għandux għalfejn jinbidel għalissa, iżda jinbidel biss jekk wieħed jibda jabbuża. Għaliex, jekk dan iseħħ, il-protezzjoni tal-mara mhix se tibqa’ prijorità kif inhu l-iskop ta’ din l-emenda.
Dawn li indirizzaw din il-konferenza tal-aħbarijiet fl-ebda ħin ma għamlu referenza għat-tarbija fil-ġuf.