Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’ €4,000 wara li fera Kuntistabbli waqt li ħadu il-lock-up

Raġel ta’ 44 sena residenti minn Birkirkara ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin u mmultat €4,000 wara li nstab ħati li f’Novembru ta’ ħames snin ilu f’Raħal Ġdid fera ħafif Kuntistabbli tal-Pulizija, li saq b’manjiera perikoluża u fixklu fil-qadi ta’ dmirijietu waqt li kien se jittieħed fil-lock-up tal-Pulizija.

Il-Maġistrat Nadine Lia li quddiemha nstema’ l-każ ordnat ukoll is-sospensjoni ta’ 12-il xahar tal-liċenzja tal-karozza tal-imputat Stephen Borg li nstab ħati li fil-21 ta’ Novembru 2017 għall-habta tas-6.50pm fi Triq il- Belt Valletta, Raħal Ġdid hedded u għamel offiża fuq il-persuna tal-Kuntistabbli  Charles Vella. Huwa ma nstabx ħati ta’ l-istess reat fil-konfront tal-Kuntistabbli Roberto Cilia.

Huwa nstab ħati wkoll li ma obdix l-ordnijiet leġittimi tal-Kuntistabbli Charles Vella u Roberto Cilia u tas-Surġent Cyrill Butters u li saq karozza b’periklu u bla kont. Borg ma nstabx ħati fuq theddid li sar reċidiv jew li kiser xi kundizzjonijiet tal-Qorti.  

Il-Kuntistabbli Charles Vella, stazzjonat fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid spjega kif fil-21 ta’ Novembru 2017 daħal fl-Għassa Stephen Borg sabiex jiffirma l-‘bail book’ fejn gie avżat li kien hemm mandat t’arrest maħruġ fil-konfront tiegħu.

Ix-xhud spjega li wara li kkonsulta mal-Ispettur James Grech, illum Supretendent mis-CID, li qallu sabiex jieħu lill-imputat fil-lock-up. Hekk kif ġie nfurmat li kien se jittieħed fil-lock-up, Borg qal li kien se jmur sal-karozza u f’daqqa waħda ħarab jiġri minn fuq il-post. Minn naha tiegħu, ix-xhud flimkien mal-uffiċjal Roberto Cilia telqu għal warajh u hekk kif l-imputat daħal fil-karozza, irriversja f’daqqa biex  laqat lix-xhud f’idu bil-mera.

Minn naha tiegħu, l-imputat baqa’ sejjer minn fuq il-post lejn Triq il-Belt Valletta. Ix-xhud spjega li bid-daqqa li qala’, huwa kien weġġa jdejh u mar iċ-Ċentru tas-Saħħa minn fejn kien inħareġ ċertifikat.

Waqt il-kontro-eżami, ix-xhud iċċara li l-imputat kien ġie avżat bil-mandati minn mis-Surġent Cyril Butters. Spjega ukoll li meta l-imputat ħareġ mill-Ghassa lejn il-karozza, induna li ried jaħrab minħabba li telaq jiġri u li rriversja bil-karozza minhabba li ma setax joħroġ bil-quddiem għax kien hemm karozza pparkjata quddiem tieghu.  

Għal-finijiet ta’ piena, l-Qorti qieset, b’żieda mac-ċirkostanzi kollha tal-każ, il-fedina penali tal-imputat li hija waħda mimlija u tindika li mis-sena 1995 sas-sena 2015 Borg kien tista’ tgħid dejjem dieħel u hiereġ il-Qorti in konnessjoni ma proċeduri kriminali, uħud minnhom dwar akkużi ta’ portata konsiderevoli.

Il-Qorti wara li rat l-artikolu 383 tal-Kodiċi Kriminali, sabiex tipprovdi għaż-żamma tal-Ordni Pubbliku, u b’zieda mal-piena rabtet lill-ħati għal perjodu ta’ sena mid-data tas-sentenza taht penali ta’ €1,000.

Il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trażżin kontra Borg a favur il-Kuntistabbli Charles Vella għal perjodu ta’ tliet snin. Intbagħtet ukoll komunika ta’ din is-sentenza lill-Kummissarju tal-Pulizija. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Hubert Cini. Għall-Borg deher l-Avukat David Gatt.