Lokali Qorti

Sentenza sospiża u sospensjoni għal liċenzja tal-kaċċa wara li pprova jikkorrompi Surġent

Kaċċatur ta’ 51 sena, residenti Ħaż-Żabbar ġie kkundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar u ġie mmultat €500 wara li nstab ħati mill-Maġistrat Nadine Lia li sentejn ilu pprova jikkorrompi Surġent wara li qabdu jikkaċċja waqt li kellu l-liċenzja tal-kaċċa sospiża għal 18-il xahar.

Il-Qorti ordnat ukoll li l-armi u l-munizzjon ta’ Lawrence Darmanin jiġi kkonfiskat. Fil-Qorti, l-Ispettur investigattiv, Elliot Magro stazzjonat fit-Taqsima kontra r-Reati Ambjentali xehed li l-każ seħħ fid-29 t’April tal-2020, fl-inħawi tal-Bidni, fil-limiti ta’ Ħaż-Żabbar. Waqt spezzjoni mill-Pulizija, Darmain intlemaħ jikkaċċja ma’ persuna oħra.

Huwa ħarab minn fuq il-post u mar jistaħba iżda xorta waħda spiċċa biex inqabad mill-Pulizija. Wara li saritlu spezzjoni fid-dar tiegħu, rriżulta li kien hemm żewġ armi neqsin mill-kollezzjoni tiegħu. Aktar tard, fuq indikazzjoni tal-imputat stess, il-Pulizija sabithom moħbija fi friġġ u f’guva tal-għasafar. 

Kien f’dan il-ħin, li Darmanin qabad €50 u pprova jgħaddiha lis-Surġent, u hemżu bl-uffiċjal mill-ewwel jinduna li din il-mossa saret biex ma jparla xejn u joqtol il-każ. Darmanin instab ħati wkoll li dakinhar ma żammx fil-kustodja tiegħu arma tan-nar iżda ma nstabx ħati li kien qed iġorr arma bla liċenzja u li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-liċenzja.

Għal-finijiet ta’ piena qieset, b’żieda maċ-cirkostanzi kollha tal-każ, il-fedina penali ta’ l-imputat għalkemm mhux wisq allarmanti, tindika li kien hemm okkażjonijiet preċedenti fejn l-imputat xellef difrejh mal-liġi f’dak li jirrigwarda l-użu tal-armi tan-nar, il-kaċċa u l-insib.

Id-difiża tenniet ukoll li għalkemm l-armi ġew konfiskati kemm il-darba dawn ma ġewx esebiti għandhom jerġgħu jiġu rrilaxxati lura a favur l-imputat. Mill-atti jirriżulta li meta l-armi ġew konfiskati dawn gew miżmum fil-‘quartermaster
stores’ ġewwa l-kwartieri ġenerali tal-pulizija.