Valletta kienu fl-aqwa forma tagħhom dan wara li fil-logħba prinċipali ta’ tmiem il-ġimgħa huma għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 4-0. Bla dubju li Valletta kienu l-aħjar tim tul il-partita kollha b’mod partikolari fit-tieni taqsima fejn sarfu din is-superjorita f’gowls. Minkejja din ir-rebħa Valletta xorta waħda għadhom fin-naħa t’isfel tal-klassifika iżda ħadd ma jista jiċħad li huma wrew progress notevoli f’dawn l-aħħar logħbiet. Mill-banda l-oħra Hibernians tilfu ċ-ċans li jibqgħu jżommu t-tieni post tal-klassifika biex issa huma Gżira United li jinsabu f’dik il-pożizzjoni. Telfa li kienet daqqa ta’ ħarta kbira għall-Pawlisti fit-tentattiv tagħhom li jiddefendu t-titlu li rebħu l-istaġun illi għadda. Għal Valletta din kienet rebħa psikoloġika wkoll li tkompli timlihom b’kuraġġ għal-logħbiet li ġejjin.
Floriana rritornaw għar-rebħ dan wara li huma għelbu b’mod konvinċenti lil Pieta Hotspurs bl-iskor ta’ 3-1. Il-Greens kienu l-aħjar iżda l-avversarji tagħhom Pieta xorta ma’ kienux xi tim faċli għalihom fejn huma daħlu mill-ġdid fil-partita bil-gowl tat-2-1 skurjat minn Temitope. Iżda ftit wara l-Greens issiġillaw ir-rebħa biex b’dawn it-tlett punti komplew iżommu post f’nofs il-klassifika. Floriana kienu ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi kontra Hibernians, waħda fis-Super Cup u l-oħra fil-Kampjonat. Pieta wkoll tilfu fl-aħħar dehra tagħhom, b’gowl uniku kontra Sirens. Iż-żewġ coaches wettqu numru ta’ bidliet fejn għal Pieta bdew Cini, Mizzi, Leonardi, Ghigo u Yamaguchi filwaqt li għal Floriana ġew inklużi mill-ġdid mal-ewwel ħdax El Hasni, Cassar, Garzia u Veselji.

U l-leaders Ħamrun Spartans komplew għaddejjin bir-rebħ fejn din id-darba l-vittmi tagħhom kienu Marsaxlokk. Iżda l-gowl waħdani li rebbaħ lill-Ispartans wasal fil-ħin mogħti żejjed tal-partita. B’din ir-rebħa u bit-telfiet ta’ Hibernians u Birkirkara, Ħamrun komplew isaħħu l-ewwel post fejn issa għandhom xejn anqas minn disa’ punti vantaġġ fuq it-tieni tim klassifikat, Gżira United. Ħamrun kienu l-aktar tim li kellhom pussess u l-aktar li ħolqu ċansijiet ta’ skor. Imma xorta waħda nemmen li x-Xlukkajri kellhom il-mumenti tagħhom ukoll fejn kien jimmerithom xi ħaġa aktar minn din il-partita, meta tant kienu viċin li jieħdu draw meritat. Il-kowċ Ħamruniż Branko Nisevic beda bl-istess formazzjoni li lagħab biha kontra Gudja United, inċidentalment rebħa oħra ta’ 1-0. Huma mhux qed ikunu konvinċenti iżda xorta waħda qed jiksbu dak li jridu minn prattikament kull partita. M’Xlokk jibqgħu fil-ħdax-il post tal-klassifika iżda seba’ punti fuq iż-żona relegation.

Gudja United kisbu tlett punti importanti fit-tentattiv tagħhom li jisfidaw għall-post fl-Ewropa dan wara li f’konfront dirett għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-1. Kienet logħba bilanċjata bejn żewġ timijiet li qed ikollhom staġun tajjeb biex kienet Gudja li temmew din is-sena fuq nota pożittiva. Fil-fatt Mosta, anki meta kienu bi player anqas xorta komplew jinsistu fejn saħansitra kisbu l-gowl tad-draw. Iżda Gudja bdew it-tieni taqsima bil-kbir hekk kif huma skurjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa. Għal Mosta l-veteran Clayton Failla kien l-aħjar player filwaqt li Navarrete spikka l-aktar għal Gudja. Li kieku Gudja kienu aktar konsistenti matul dawn l-ewwel erbatax-il partita kieku żgur li jinsabu ħafna aktar il-fuq fil-klassifika.
F’logħba li pproduċiet ħames gowls Balzan kisbu rebħa kontra Żebbuġ Rangers bl-iskor ta’ 3-2. Il-gowl drammatiku li ddeċieda l-logħba wasal fil-ħin mogħti żejjed minn Angel Torres, it-tieni wieħed tiegħu tal-partita. Balzan dejjem kienu minn fuq bl-avversarji tagħhom Żebbuġ kull darba jidħlu fil-partita bil-gowl tad-draw. B’hekk Balzan irritornaw għar-rebħ wara li l-ġimgħa li għaddiet huma sfaw fuq in-naħa telliefa kontra l-ġirien Birkirkara. Żebbuġ, wieħed mit-timijiet promossi u li jinsab jissielet kontra r-relegation għal darb’oħra kienu kompetittivi wara t-telfa kontra Gżira United. Ftit bidliet mill-kowċ Spiteri fejn Miloskovic u Gesualdi bdew mal-ewwel ħdax. Għal Balzan dawn kienu tlett punti importanti minkejja li huma lagħbu għal nofs it-tieni taqsima bi player anqas fejn huma issa jinsabu fid-disa’ post tal-klassifika.

Birkirkara sofrew l-ewwel telfa tagħhom minn l-aħħar ħames partiti dan wara li huma kellhom ibaxxu rashom għat-tim minn San Pawl il-Baħar, Sirens. Kien gowl skurjat minn free-kick dirett tal-player Marcelo li ddeċieda din il-partita. L-ewwel parti tal-partita kienet kollha tal-Istripes fejn l-indikazzjonijiet kienu li ser ikomplu fejn ħallew fl-aħħar logħbiet tagħhom. Iżda l-avversarji tagħhom kellhom ħsibijiet oħra fejn din kienet ir-raba’ rebħa mill-aħħar ħames logħbiet li lagħbu. Telfa li għal Birkirkara fissret li huma tilfu t-tieni post tal-klassifikam biex issa huma nqabżu minn Gżira United u Hibernians. Sirens, mill-banda l-oħra jinsabu f’pożizzjoni aktar komda wara bidu nċert li kellhom f’dan il-Kampjonat.
Rebħa minima kisbu wkoll Gżira United li għelbu lil Santa Lucia fl-ewwel logħba li fetħet it-tieni round ta’ dan il-Kampjonat. Il-Maroons kienu dominanti matul il-partita fejn kellhom diversi ċansijiet ta’ skor. Iżda minkejja dan kellu jkun gowl stramb skurjat minn free-kick mogħti minn Steve Pisani li rebbaħ lil Gżira. Hawn il-ballun baqa għaddej minn quddiem numru ta’ players u baqa dieħel fir-rokna tax-xibka. Gżira b’hekk temmew is-sena bħala l-aktar tim viċin il-leaders Ħamrun Spartans. Viċin bħala pożizzjoni għaliex id-distakk huwa wieħed kbir. Mill-banda l-oħra u kif semmejt drabi oħra Santa Lucia jridu jsaħħu l-iskwadra sew f’Jannar li ġej jekk tal-anqas qed jaspiraw li jevitaw ir-relegazzjoni awtomatika.

INNUTAJNA
LI wara diversi xniegħat ġiet fi tmiemha l-avventura ta’ Joe Gauci minn ma’ Żejtun Corinthians. Gauci, li diġa kellu esperjenzi oħra ma’ klabb lokali kien ilu seba’ snin mal-Corinthians. Taħt it-tmexxija tiegħu Żejtun kisbu numru ta’ suċċessi fosthom il-promozzjoni storika għall-Kampjonat Premier.
LI matul il-ġimgħa li għaddiet kellna l-ħatriet doppji tal-kowċis fi ħdan is-settur tat-timijiet nazzjonali. Michele Marcolini nħatar kowċ tat-tim nazzjonali tal-futbol tal-Irġiel dilwaqt li Manuela Tesse hija l-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali tan-Nisa. Jidher li r-rabtiet mill-viċin li hemm bejn l-MFA u l-FIGC qed jiswew biex it-timijiet nazzjonali tagħna jkunu mmexxija minn skola Taljana. Awguri.
LI d-difensur ta’ Hibernians ex-Sliema Wanderers Kurt Shaw lagħab il-100 partita tiegħu fil-Kampjonat Premier fl-eta’ ta’ 23 sena. Ħasra li din il-kisba kellha tkun fil-partita li t-tim tiegħu sofra telfa kbira bl-iskor ta’ 4-0 kontra Valletta.