Raġel ta’ 32 sena residenti s-Siġġiewi li fil-Qorti kemm il-darba fil-Qorti ħareġ li għandu problema biex imantni l-familja tiegħu ġie kundannat 16-il xahar ħabs mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li nstab ħati li seraq karozza mill-Mosta, ħadha għall-iscrap għall-ħadid u tħallas mingħand il-kuntrattur ta’ li ‘scrap yard’.
Minn xhieda mogħtija mill-Ispettur Godwin Scerri ħareġ li minn filmati tas-CCTV Joseph Galea jidher qed jieħu l-flus tal-karozza ‘scrapped’. Is-serqa saret tliet snin ilu. Fil-Qorti, l-Ispettur Scerri qal li r-reat seħħ f’April tal-2019. Qal, li l-karozza nsterqet minn Triq Durumblat. Galea nstab ħati wkoll li għamel b’€250 fi ħsarat, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li bir-reati li wettaq sar reċidiv.
Huwa ġie mxili wkoll li bejn l-24 u l-25 ta’ Settembru tal-istess sena seraq għodod minn karozza li kienet ipparkjata fi Triq il-Mosta, f’San Pawl il-Baħar. Madankollu, din l-akkuża ma ġietx ippruvata peress li l-Prosekuzzjoni ressqet biss il-marki tas-swaba’ tal-imputat li nstabu fuq in-naħa ta’ barra tal-karozza.
Għall-Qorti, dawn jikkonfermaw li Galea mess il-karozza, iżdamhumiex biżżejjed biex juru li l-imputat wettaq is-serqa. L-imputat lanqas ma nstab ħati li f’April tal-2019 laqa’ għandu karozza misruqa. Minbarra l-piena ta’ ħabs, il-Qorti qiegħdet lil Galea taħt ordni ta’ trattament għal sentejn.
//= $special ?>