Lokali

Disinjatur Malti joħloq emblemi diġitali tal-kunjomijiet Maltin

Bosta kunjomijiet Maltin imorru lura anki sa żmien in-Normanni, meta l-maġġorparti tal-popolazzjoni Maltija kienet għadha prattikament Għarbija.

Dan filwaqt li uħud mill-eqdem kunjomijiet li għandna llum jidhru fil-lista ta’ dawk irreġistrati biex jagħtu servizz fid-difiża ta’ Malta fis-seklu ħmistax.

U issa, il-kunjomijiet Maltin – li minn dejjem kellhom l-emblema tagħha – ħadu xejra għal kollox diġitali, b’immaġini moderna li tirrispetta l-oriġini ta’ dawn l-emblemi.

Net News tkellem ma’ John Galea, disinjatur diġitali, li ħoloq dawn l-emblemi tal-kunjomijiet bħala forma diġitali u li jinsabu disponibbli kemm fuq is-sit kunjom.com u kif ukoll fuq il-paġna ta’ Instagram kunjomijiet.

“Kunjomijiet Maltin interessanti għax ma tkunx taf minn fejn ikunu ġejjin, ċertu lingwi oħra tkun taf, huma aktar faċli, bħal pereżempju l-Ingliż, Smith, bil-Malti hemm ċertu taħlita, minn bosta kulturi, mill-Ewropa, mill-Afrika ta’ Fuq, mill-Greċja u mill-Lvant”

John Galea stqarr ma’ dan l-istazzjon illi ħafna jfittxu dwar il-kunjom tagħhom u huma bosta dawk li qed jidħlu jimirħu x-xogħol li jagħmel hu.

“Apparti milli ħadt gost naħdem fuqhom fuq aspett diġitali, u noħloq disnji ġodda, ħloqt aċċessbiltà fuq il-kunjomijiet, u għedt jien sibtha iebsa biex insib din l-informazzjoni, u għalhekk ħloqt dan kollu.”

John Galea spjegalna illi din l-inizjattiva li ħa, għandha wkoll skop filantropiku.

“Il-flus li naqla minnhom wara li nħallas is-sit u l-istampar, il-maġġorparti minnhom se jmorru għall-karità, importanti li iżda jgħinu lill-familji”