Sport Waterpolo

FILMAT: Jeremy Abela jitħabbar bħala plejer ġdid ta’ San Ġiljan

Artiklu: Stewart Said

Iċ-champions lokali San Ġiljan JP Projects komplew itejbu l-iskwadra tagħhom hekk kif ħabbru l-akkwist b’mod permanenti tal-plejer tat-tim nazzjonali Malti Jeremy Abela.

Il-plejer ta’ 24 sena ngħaqad mal-Ġiljaniżi wara li għamel isem għalih innifsu mar-rivali u ġirien Neptunes. F’Settembru tal-2018, Abela kien iffirma kuntratt ġdid ta’ erba’ snin ma’ Neptunes. It-trasferiment sar uffiċjali f’dawn is-sigħat u mhux ġimgħat ilu wara li kien hemm ilment minn Neptunes minħabba li Abela kien niżel għat-taħriġ ma’ San Ġiljan qabel intlaħaq ftehim.

Abela beda jagħmel l-ewwel dehriet fl-iskwadra ewlenija ta’ Neptunes fl-2015 u fis-sena ta’ wara mhux biss daħal fl-ewwel tim iżda kien fost il-plejers li spikkaw b’mod sorprendenti hekk kif Neptunes rebħu l-kampjonat.

Mat-tim ta’ Neptunes, Abela rebaħ erba’ Kampjonati tas-Sajf, darba n-knock-out, darba l-Kampjonat tax-Xitwa, darba l-Enemed Cup u darba t-Tazza tal-President. Hu kien parti wkoll mit-tim ta’ Neptunes li rebaħ erba’ unuri fl-2019.

Fil-karriera tiegħu, Abela kellu esperjenzi barra minn xtutna ma’ Molins de Rei fi Spanja, Vojvodina fis-Serbja, Olympic Nice Natation fi Franza u Pescara Nuoto. Hu mistenni jagħmel id-debutt mat-tim ta’ Zeljko Kovacic meta tirritorna l-Enemed Cup fis-sena l-ġdida.

Ara hawn taħt il-filmat tat-tħabbira ta’ Abela bħala plejer ta’ San Ġiljan.

https://fb.watch/hxL3_vP21U/