Internazzjonali

Il-Ġermanja: Eks Segretarja tan-Nażi ħatja ta’ kompliċità f’eluf ta’ omiċidji

Mara ta’ 97 sena li waqt it-Tieni Gwerra kienet l-eks segretarja ta’ Kmandant ta’ kamp tal-konċentrament tan-Nazi, spiċċat ikkundannata bħala kompliċi fl-omiċidji ta’ ‘il fuq minn 10,505 persuna. Irmgard Furchner kienet l-ewwel mara proċessata b’konnessjoni mar-reati li wettqu n-Nażisti waqt il-gwerra u fejn weħlet sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs.

Furchner bdiet taħdem bħala tajpista adolexxenti fil-kamp ta’ Stutthof  u damet hemm mill-1943 u l-1945. Għalkemm hi kienet ħaddiema ċivili, l-Imħallef fil-qorti speċjali ta’ Itzehoe iddeċieda li kienet taf ‘eżatt’ dwar dak li kien qed iseħħ fil-kamp, fejn jaħsbu li mietu talanqas 65,000 persuna — fosthom priġunieri Lhud, Pollakki u suldati Sovjetiċi li nqabdu min-Nażisti.

Il-kamp jinsab qrib il-belt Pollakka ta’ Gdansk u fil-proċess telgħu jixhdu numru ta’ eks priġunieri, li wħud laħqu mietu waqt li kien għaddej il-ġuri ta’ Furchner.

Meta l-proċess tal-qorti kien beda f’Settembru tal-2021, Irmgard Furchner kien anki rnexxielha taħrab mid-dar għall-anzjani fejn kienet residenti u sakemm hi nstabet mill-pulizija fil-belt ta’ Hamburg.