L-invażjoni tal-Ukrajna għalqet it-300 jum u meta l-belt ta’ Bakhmut, fir-reġjun ta’ Donetsk, kompliet tiżvolġi bħala front tal-gwerra unika bejn il-qawwiet Ukreni u l-Armata tar-Russja.
Intant – u waqt li fadal biss ftit ċivili f’din il-belt (minn popolazzjoni ta’ 70,000 qabel il-gwerra) – id-difensuri Ukreni fl-inħawi għamluha ċara li se jirreżistu ‘sal-aħħar nifs’ lit-truppi tal-President Russu Vladimir Putin.
Il-Gvern Ukren bagħat stqarrija li ‘300 jum mhuma xejn fit-taqbida tal-Ukrajna għal-liberazzjoni mir-Russja li ilha għaddejja aktar minn 300 sena’.
Fl-istess ħin, il-messaġġ inekwivoku minn Kiev hu li l-poplu Ukren mhux se jċedi u jinsab determinat li jkompli b’din il-ġlieda ‘sar-rebħa’.
Fl-aħħar sigħat, il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky għamel żjara sorpriża f’Bakhmut li ilha x-xhur ċentru tal-konflitt u fejn hu iltaqa’ mat-truppi u qassam l-unuri lis-suldati li ilhom l-aħħar ġimgħat jikkontrollaw l-avvanzi tar-Russi.
Iż-żjara ta’ Zelensky, intant, tħabbret ftit wara li hu kien telaq minn Bakhmut, bl-osservaturi jsostnu li din iż-żjara qawwiet ħafna lill-moral tas-suldati Ukreni. Hu wkoll fatt li r-Russi u l-Ukrajna tilfu ħafna suldati fil-battalji għal Bakhmut, tant li l-kmandanti tan-naħat avversarju laqqmu din iz-zona tal-gwerra bħala ‘biċċerija’.
Zelensky, fl-aħħar xhur, għamel ukoll żjarat f’numru ta’ bliet Ukreni li kienu liberati mir-Russi, fosthom l-ibliet prinċipali ta’ Kherson u Izyum.
Intant, ir-Russja fl-aħħar xhur użat kwantità kbira ta’ riżorsi militari għall-offensiva fuq Bakhmut li Putin irid li jaħtaf akkost ta’ kollox.
Jekk kemm-il darba Bakhmut taqa’ lir-Russi, dawn ikollhom aċċess lejn l-ibliet ta’ Sloviansk u Kramatorsk, li huma l-aktar bliet importanti fir-reġjun tad-Donbas li għadhom ikkontrollati mill-Ukreni. Iżda l-fatt li l-Ukreni qed isaħħu d-difiżi fil-madwar ta’ Bakhmut kważi jaċċerta li kwalunkwe rebħa militari għar-Russi għandha tkun biss simbolika.
//= $special ?>

