Nhar il-Ħadd 18 ta’ Diċembru id-Dumnikani tal-Birgu ċ-ċelebraw it-80 anniversarju minn meta d-Dumnikani rritornaw lura l-Birgu wara li fid-19 ta’ Jannar tal-1941 kienu tilfu l-Kunvent u l-Knisja b’attaki mill-ajru. Nhar it-18 ta’ Diċembru tal-1942 id-Dumnikani kienu ħadu pusses tal-Palazz tal-Inkwiżitur biex minnu jaqdu d-dmirijiet pastorali lejn il-poplu tal-Birgu u kif ukoll imexxu skola biex jgħallmu lit-tfal tal-Kottonera. Mill-pinna tal-istoriku Anton Attard insibu dan fuq dan l-avveniment:
“Għalkemm xi ftit jew wisq ‘il bogħod mill-periklu tal-ħbit mill-ajru, il-patrijiet ħsiebhom dejjem baqa’ fuq il-Birgu. Inqas minn sena wara li marru B’Kara, uħud minnhom diġa’ kienu qed jaħsbu biex jerġgħu lura. L-Amministrazzjoni Ċivili kienet qiegħed għad-dispożizzjoni tal-patrijiet il-Palazz tal-Inkwiżitur. Ir-raġuni kienet li l-patrijiet intalbu jgħinu bħala għalliema fl-Iskola Primarja li kien hemm il-ħsieb li tinfetaħ fil-Birgu. Minkejja li l-palazz kien nieqes minn kull kumdita’ u l-kundizzjonijiet xejn sbieħ li kellhom jgħixu fihom xorta waħdu għażlu li jerġgħu lura l-Birgu u għixu kif setgħu flimkien f’waħda mis-swali tal-palazz.”
Għalhekk nhar il-Ħadd 18 ta’ Diċembru ġewwa l-Palazz tal-Inkwiżitur saret quddiesa mmexxija mill-Pirjol Aaron Zahra fl-istess post fil-palazz fejn kien jintuża bħala Knisja tal-Lunzjata f’dawk iż-żminijiet. Il-Pirjol fl-omelija fakkar fil-kuraġġ kbir li kellhom il-patrijiet Dumnikani dak iż-żmien li minkejja l-isfidi kollha ma’ qatgħux qalbhom li jiġu lura l-Birgu minkejja l-faqar u l-problemi kbar li kien hawn. Qal li dan għandu jkun ta’ kuraġġ kbir għalina li llum qed insibu ostakli differenti fil-ħidma pastorali Dumnikana.
Il-Bambin tal-Prietka tat-Tifel
Fi tmiem il-quddiesa Vince Borg irregala lill-Kunvent Bambin tax-xemgħa li l-patrijiet kienu tawh 70 sena ilu meta kien propju għamel il-prietka tat-tifel tal-Milied. Is-Sur Borg qal li huwa xieraq li issa fi xjuħiti dan il-Bambin jirritorna lura għand il-patrijiet li kienu tawwhulu sabiex jibqa’ rikordju fil-mużew tal-kunvent. Huwa semma’ kif dak iż-żmien kien għamel il-priedka tal-Milied fil-Palazz tal-Inwkiżitur f’jum il-Milied fl-erbgħa ta’ filgħodu. Huwa semma’ kif għad għandu l-piredka oriġinali miktuba bl-idejn.
//= $special ?>