L-iskwadri tas-salvataġġ fil-Golf tat-Tajlandja rkupraw il-katavri ta’ ħames membri tal-ekwipaġġ mill-vapur tal-gwerra Tajlandiż li għereq fil-bidu tal-ġimgħa ‘il hinn mill-kosta lejn ix-xlokk. Instab ukoll baħri ħaj u li, l-istess bħall-mejtin, kien liebes il-life-vest. Il-katavri ntlemħu xi 60 kilometru minfejn għereq l-HTMS Sukhotai matul il-lejl tal-Ħadd u meta l-vapur dak il-ħin kien qed iġorr ekwipaġġ ta’ 105.
Intant, kompliet it-tfittxija għal 24 baħri li baqgħu rappurtati neqsin u bin-Navy Tajlandiża tikkonferma li kienu salvati 76 baħrin mill-bastiment.
L-HTMS Sukhothai għereq wara li ntilef kull mezz ta’ gwida u kontroll waqt l-eqqel ta’ maltempata. Il-qawwiet tal-baħar u tal-ajru Taljandiżi ilhom jumejn ifittxu għall-ħajjin u li – flimkien mal-ħelikopters – qed jissorveljaw zona ta’ 50 kilometri kwadri fil-Golf tat-Tajlandja.
//= $special ?>

