Lokali

It-tfal jaqsmu l-ferħ mal-anzjani f’dan iż-żmien tal-Milied

Studenti tal-primarja t-Tlieta filgħodu ġabu doża ta’ ferħ lir-residenti ta’ San Vinċenz De Paul hekk kif daħlu jqassmu l-kartolini tal-Milied lill-anzjani.

Din hija t-tielet sena konsekuttiva li l-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà organizzat l-inizjattiva ta’ Nanniet Post Office, li twieldet waqt il-pandemija tal-Covid-19 fl-2020 biex ittaffi s-solitudni tal-anzjani.

Waqt din l-attività ħelwa, interġenerazzjonali, kien hemm preżenti fost oħrajn l-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca

Is-Sinjura Coleiro Preca qalet li bejn wieħed u ieħor terz tal-popolazzjoni Maltija, partikolarment l-anzjani, ibatu mis-solitudni, u dan il-perjodu ta’ festi jista’ jkun wieħed emozzjonali speċjalment għal dawk li ma jistgħux jingħaqdu ma’ dawk għeżież għalihom. Għalhekk tittama li l-preżenza tat-tfal tnissel ferħ fil-ħajja ta’ dawn in-nies.

Matul il-ġimgħat li għaddew, tfal mill-iskejjel primarji ta’ Ħal Luqa u tal-Marsa pinġew u fasslu kartolini tal-Milied bi kliem sbieħ sabiex jaqsmuhom mal-anzjani.

Waqt l-attività, studenti mill-Iskola Primarja tal-Marsa ġabu sens żagħżugħ hekk kif kantaw kanzunetti tal-Milied; bl-ilħna ħelwin tagħhom jidwu mal-kurituri.