Colin Schembri
Gżira Athleta………..97
Starlites FIJO…………89
(29-23)(14-20)(23-23)(31-23)
Gżira Athleta kisbu rebħa ferm importanti fil-ġlieda tagħhom għal post fil-play-offs meta għelbu lic-champions renjanti Starlites FIJO biex tawhom ukoll l-ewwel telfa tal-istaġun. Athleta kienu mingħajr Francesco Mifsud Bonnici u l-għażla ta’ Joe Galea marret fuq Jordan Ellul Dowling u ż-żagħżugħ ma ddiżapuntahx għaliex kellhu wirja mill-aqwa li ħalliethu fuq il-court għall-40 minuta tal-partita kollha. Starlites kienu bil-formazzjoni regolari tagħhom għalkemm tilfu lil Ian Felice Pace b’injury tul il-partita. Il-partita fetħet bl-ewwel żewġ punti mit-total ta’ 52 ta’ Roland Griffen qabel ma Starlites għamlu disa’ punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Ian Felice Pace. Il-partita kompliet bit-trippli minn Luca Stefanovic għall-Athleta wara punti minn Alec Felice Pace għal Starlites li fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti 20-13. Athleta kellhom mument tajjeb b’run ta’ 16-3 fejn fost l-oħrajn kien hemm three pointers minn Nathan Xuereb u Stefanovic flimkien ma’ diversi baskets minn Griffen għal skor ta’ 29-23. Fit-tieni taqsima, Starlites kellhom run ta’ 11-2 bit-three pointers minn Matthew Attard u Felice Pace biex reġgħu marru minn fuq. Għal darbtejn, Athleta għamlu l-iskor indaqs fosthom bi trippla ta’ Billy Zammit 38-38. Qabel intemmet is-sessjoni, kien hemm ħames punti oħra fuq kull naħa għal skor ta’ 43-43.
Wara l-intervall, Starlites reġgħu ħadu l-vantaġġ hekk kif il-partita baqgħet fuq l-istess andament. Griffen u Xuereb wieġbu għall-Athleta flimkien ma’ Ellul Dowling b’żewġ offensive rebounds li kkonvertijhom f’lay-ups. Athleta marru 4 minn fuq wara trippla ta’ Griffen bi Starlites jagħmlu run qasira ta’ 7-2 bi trippla minn Attard. It-taqsima għalqet bi three pointer ta’ Naz Buhagiar u basket minn Darius George għal parita ta’ 66-66. Fl-aħħar perjodu, Athleta bdew b’aktar punti minn Griffen għalkemm kien hemm risposta minn George u trippla ta’ Miguel Fabri għal Starlites. Athleta għamlu break ta’ 9-2 li poġġijhom seba’ punti minn fuq però Starlites komplew jitħabtu speċjalment wara trippli minn Attard u Jordan Notch u l-punti ta’ George li wassluhom sa’ erba’ punti ‘l bogħod. Athleta però rnexxielhom jikkontrollaw l-aħħar sekondi tal-partita hekk kif kellhom il-free-throws finali minn Xuereb u Stefanovic li tawhom ir-rebħa fuq skor finali ta’ 97-89.
Gżira Athleta: M. Laferla, N. Buhagiar 3, L. Stefanovic 16, J. Ellul Dowling 6, N. Xuereb 17, R. Griffin 52, I. Xuereb, S. Vincic, R. Abela, B. Zammit 3.
Starlites FIJO: A. Felice Pace 14, M. Attard 14, I. Felice Pace 3, M. Fabri 3, L. Riolo, M. Scerri 4, R. Carabott 3, L. Farrugia 2, N. Sultana, D. George 33, J. Notch 13.
Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Ionut Ciurariu
Hibernians……….78
BUPA Luxol………98
(16-29)(15-24)(25-27)(22-18)
BUPA Luxol pattew għat-telfa li ħadu fl-ewwel round tal-kampjonat meta kisbu rebħa b’distakk ta’ 20 punt fuq Hibernians 98-78. Sa’ mill-ewwel minuti tal-partita, Luxol dehru fil-kontroll u Hibs qatt ma resqu viċin li jdawwru r-riżultat. Luxol fetħu l-partita b’diversi three pointers mill-Amerikan Trevian Bell li kellhu 3 flimkien ma’ Stefan Cappello biex huma marru 22-8 minn fuq. Għal Hibs il-punti ġew minn Ivan Demcesen u Justin Bogle però Luxol komplew ikabbru l-vantaġġ wara trippla ta’ Nikola Vasovic u l-punti ta’ Tayler Mattos biex temmew l-ewwel sessjoni 29-16 minn fuq. Fit-tieni taqsima, wara basket inizzjali minn Matthew Attard għal Hibs, Luxol kellhom run oħra ta’ 10-2 b’aktar punti minn Mattos biex fetħu vantaġġ ta’ 20 punt 39-19. Hibs ppruvaw jirkupraw u kellhom it-trippli minn Bogle u Luke Farrugia però pronta kienet ir-risposta tal-vjola bi 8 punti oħra biex daħlu jistrieħu 53-31 minn fuq.
Fit-tielet taqsima, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex il-vantaġġ ta’ Luxol baqa’ wieħed komdu 59-39. Bell kellhu trippla oħra qabel ma ġiet run oħra ta’ 13-4 mill-players ta’ Duncan Fenech. Finalment Hibs irrispondew bil-punti ta’ Demcesen u trippla ta’ Paul Attard però kienu għadhom ‘l bogħod mill-avversarji fi tmiem il-perjodu 56-80. Fl-aħħar sessjoni kien hemm aktar punti fuq iż-żewġ naħat fosthom trippli minn Bell għal Luxol u tnejn ta’ Farrugia għal Hibs però ma kien hemm l-ebda periklu għal Luxol li rebħu l-partita 98-78.
Hibernians: N. Cassar 5, P. Attard 3, R. Aquilina, L. Attard, L. Farrugia 9, L. Borg, A. Axiaq 8, M. Fall, M. Attard 4, J. Bogle 24, I. Demcesen 25, P. Shoults.
Bupa Luxol: J. Garcia Cefai, N. Vasovic 30, M. Sciberras, T. Bell 33, N. Engelbert, JP Schembri 2, A. Trapani, L. Trapani, V. Englin, T. Mattos 26, M. Matijevic 3, S. Cappello 7.
Referees: Daniella Torok, Ionut Ciurariu, Zvezdan Dobrosaviljevic
Mellieħa Libertas………….86
Depiro…………………………..93
(18-22)(19-31)(25-17)(24-23)
Is-sorpriżi fl-ewwel ġurnata tat-tieni round komplew hekk kif fl-aħħar partita, Depiro għelbu lil Mellieħa Libertas 93-86 b’dawn tal-aħħar jonqsu milli japprofittaw miż-żelqa ta’ Starlites ġurnata qabel u baqgħu fit-tieni post tal-klassifika. Mellieħa kienu mingħajr Samuel Zammit u David Bugeja fil-waqt lil Depiro kellhom nieqes lil Sean Galea. Il-partita kienet waħda kumbattuta u missielta u f’xi waqtiet l-uffiċċjali kellhom jirrikoru għal fouls tekniċi biex jikkalmaw is-sitwazzjoni. Mellieħa għamlu l-ewwel 8 punti tal-partita bi trippla ta’ Vukassin Jandric u basket ta’ Robert Bonnici. Depiro wieġbu b’run ta’ 10-2 bi trippla ta’ Nicholas Grech għalkemm Jandric ukoll għamel trippla oħra għal Mellieħa. Għal xi ħin Depiro reġgħu marru fuq quddiem bil-punti ta’ Cameron Rooks pero t-tielet trippla ta’ Jandric flimkien ma’ Connor Zinnaich ħallew lil Mellieħa fuq quddiem. L-aħħar punti tat-taqsima ġew minn Depiro permezz ta’ Grech, Rooks u Cameron Cornelius biex temmew l-ewwel sessjoni 22-18 minn fuq. Fit-tieni taqsima, għal darbtejn Mellieħa waslu sa’ basket ‘l bogħod però mbagħad waslet run importanti minn Depiro ta’ 14-2 bi tlett trippli ta’ Miguel Brincat li rathom imorru 15 minn fuq 46-31. Minkejja li kien hemm aktar baskets minn Zinnaich għal Mellieħa, fl-intervall Depiro kienu 53-37 minn fuq.
Fit-tielet perjodu, Mellieħa fetħu b’żewġ baskets però pronta kienet ir-risposta minn Depiro b’żewġ trippli din id-darba minn Cornelius biex ħadu vantaġġ ta’ 21 punt 62-41. Mellieħa ppruvaw jirkupraw partikolarment permezz tal-punti ta’ Jandric fi break ta’ 15-5 li għalaq is-sessjoni biex il-vantaġġ ta’ Depiro niżel għal 8 punti 70-62. Mellieħa komplew jagħfsu fl-aħħar taqsima fejn run ta’ 11-0 bi trippla ta’ Robert Bonnici u l-punti ta’ Zinnaich u Jandric wasslithom sa’ basket ‘l bogħod 77-79. Wara time-out tal-coach Ruben Baldacchino, Depiro rkupraw u l-punti taż-żewġ Amerikani reġgħu tawhom vantaġġ b’figuri doppji. Lejn it-tmiem kien hemm trippla minn Isaac Bonett però Depiro għalqu l-partita minn fuq il-free-trhow line u ħarġu rebbieħa 93-86.
Mellieħa Libertas: M. Falzon 3, R. Bonnici 10, V. Jandric 33, I. Bonett 5, N. Bukva 9, N. Jovanovic, C. Ziniach 24, M. Formosa 2.
Depiro: D. Camilleri, A. Aquilina 12, N. Grech 7, S. Kenely, K. Rooks 29, M. Brincat 17, M. Mallia 5, C. Cornelius 21, J. Micallef, M. Debattista 2.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Florentina Ciurariu, Ivica Simic
//= $special ?>