Lokali

L-emenda tal-abort tiddomina l-faċċati tal-ġurnali

Il-faċċati tal-ġurnali tat-Tlieta kienu kollha dominati bir-rappurtaġġ dwar il-votazzjoni li saret fi stadju ta’ Tieni Qari għall-emenda fil-Kodiċi Kriminali li l-gazzetti kollha qed isejħulha l-liġi tal-abort.

Il-ġurnali rrappurtaw kif din l-emenda se tippermetti l-abort f’pajjiżna f’każ li ħajjet jew saħħet il-mara tkun f’periklu. Dan filwaqt illi fakkru kif diversi kritiċi esprimew t-tħassib tagħhom għall-fatt li din l-emenda hija waħda vaga u li ma tippreżenta ebda limitu għall-abort. Kif spjega wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’kummenti lil Net News.

It-Times, In-Nazzjon u l-Indipendent kollha rrappurtaw b’titli kbar dan il-vot li ħadu l-membri Parlamentari, bid-deputati kollha tal-Gvern jivvutaw favur din il-liġi filwaqt li l-Oppożizzjoni ivvutat kontra.

Dawn it-tliet ġurnali rreferew għal din l-emenda bħala liġi tal-abort iżda l-ġurnal tal-GWU ‘L-Orizzont’ kien l-uniku illi irrefera għal din il-liġi bħala emenda favur il-ħajja u s-saħħa tal-mara.

Fl-aħħar ġimgħat diversi professjonisti mediċi esprimew il-fatt li din l-emenda se toħoqilhom aktar diffikultajjiet fix-xogħol tagħhom. Bil-Ministri tal-Gvern jitfu l-piż kollu fuqhom.

It-Tnejn filgħaxija din l-emenda ġiet approvata mit-Tieni Qari hekk kif 42 membru tal-Gvern ivvutaw favur filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ivvota kontra din l-emenda li se ddaħħal l-abort f’pajjiżna.

Għalkemm il-Partit Laburista jibqa’ jinsisti li din l-emenda mhix dwar l-abort, diversi organizzazjonijiet kif ukoll professjonisti mediċi kollha qed jirreferu għaliha bħala l-emenda tal-abort – inkluż l-għaqdiet stess li huma favur li jidħol l-abort f’pajjiżna.

Issa, din l-emenda se tmur fi stadju ta’ Kumitat fejn tkompli d-diskussjoni qabel il-vot finali fit-Tielet Qari – vot li mistenni jittieħed fl-ewwel parti tas-sena l-ġdida.