Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal ‘chain smoker’ Maltija li tgħix Londra fuq serq ta’ sigaretti mill-ajruport

“Chain smoker’ Maltija ta’ 58 sena li tgħix Londra u li ta’ spiss tiġi Malta biex tara lil missierha ġiet ikkundannat sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammettiet li serqet disgħa grossos ta’ sigaretti minn ħanut fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Hija nqabdet hekk kif kienet segwita ħierġa bil-baskett b’kollox.

Mary Theresa Mc Quiston ammettiet li nhar it-Tnejn li għadda għall-ħabta tat-3.10pm. serqiet dan l-ammont ta’ sigaretti ta’ diversi ditti fosthom Winston ħomor u blue u Benson and Hedges Gold mill-ħanut Dufry li jinsa fit-tienu sular tal-ajruport.

L-Ispettur Roxanne Tabone li ressqet lil Mc Quiston qalet lill-Maġistrat Lara Lanfranco li l-mara ammettiet magħha li mhux l-ewwel darba li kienet wettqet serqiet simili mill-ajruport iżda qatt ma nqabdet. Qalet ukoll li skużat ruħha u li ritornat is-sigaretti kollha lura.

Il-prosekutur sostniet ukoll li hi mhux qed titlob li l-akkużata tingħata sentenza ta’ ħabs effettiva, iżda żgur li ħaqqa tbeżbiża. L-Avukat ta’ Għajnuna Legali Christian Chircop li deher għal mara talab lill-Qorti biex tagħti sentenza fil-minimu possibbli għall-fatturi li għandha kondotta nadifa u ammettiet fi stadju bikri tal-proċeduri.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li qieset l-ammissjoni bikrija ta’ Mc Quiston, il-fatt li għandha kondotta nadifa u li iżda hija ammettiet ukoll li din mhux l-ewwel darba li serqet, anke jekk ma nqabditx.

Il-Maġistrat Lanfranco qalet li hija xtaqet li kieku tagħti probation bħala sentenza biex l-imputata tibqa’ tiġi segwita għall-problema ta’ addiction li għandha, imma l-fatt li tgħix Londra, huwa mpossibbli li tagħmel dan. Hija wissiet lil Mc Quiston biex tara x’tagħmel u ssolvi l-problemi biex ma tispiċċax ħażin, u l-piena mogħtija għandha żżommha fuq ix-xwiek.