Raġel ta’ 34 sena mis-Sirja, residenti l-Ħamrun li rriżulta minn dak li ħareġ fil-Qorti li ilu Malta għal aktar minn sentejn bla permess wara li ammetta li ta fastidju mara Maltija mis-Siġġiewi wara li m’aċċettax li din ma rieditx tkompli għaddejja bil-ħbiberija miegħu.
L-Ispettur James Mallia qal li Ahmad Alabsae m’aċċettax li trid twaqqaf il-kommunikazzjoni miegħu. Kien hu li l-ewwel għamel kuntatt magħha permezz ta’ media soċjali u l-fatt li kienet irrisponditu u anke iltaqa’ magħha mill-inqas darbtejn, emmen li issa hija tiegħu.
Fil-fatt irriżulta li s-Sirjan, li qal li jaħdem f’Malta billi jpoġġi l-madum tant ħadha bi kbira li għamel xi ġrieħi fuqu nniffsu għaliex hija riedet taqta’ minn miegħu. L-Ispettur Mallia qal li finalment il-mara bdiet tibża’ minnu peress li hu qalilha li kien se jfittxha ma’ Malta kollha bieb bieb biex isibha, għaliex m’aċċetta qatt li ma rieditx tiltaqa’ miegħu, kien literallment iffissa fuqha qal ix-xhud. Dan il-messaġġ ta’ tfittxija għamilulha permezz ta’ ‘voice message.’
Fil-fatt waħda mill-akkużi kienet dik ta’ theddied, imma l-Ispettur qal li għalih dan ma kienx theddid. Tenna li l-kuntatt l-ewwel beda fuq tik-tok u wara Instagram u li Alabsae bagħtilha wkoll xi ritratti fuq Whattsup. Akkużi oħra kienu li kien qed jaħdem Malta bla permess u li kien qed isuq karozza bla liċenzja.
L-Ispettur James Mallia qal li tant kienet u għadha beżgħana l-mara li meta marret tagħmel rapport fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq bdiet tibki u nkwetata li se jagħmlilha xi ħaġa. Ix-xhud qal lill-Maġistrat Lara Lanfranco li s-Sirjan se jittieħed il-lock-up tal-Pulizija mill-Qorti, u wara jkun hemm diskussjonijiet mal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni.
Qal li waħda mill-problemi hija li m’għandux dokumenti fuqu u kull ma’ għand id-data tal-biljett inniffsu fuq il-mobile ta’ meta ġie Malta. L-Ispettur qal li meta staqsih fejn huma id-dokumenti tiegħu, dan qallu li ma jafx, imma fil-Qorti permezz ta’ interpretu Alabsae qal li dawn jinsabu d-dar tiegħu, imma jrid ifittxhom.
Hawn intervjena l-Ispettur Karl Roberts li minkejja li ma kellux x’jaqsam mal-każ qal li bħala uffiċjal tal-Immigrazzjoni jista’ jgħid li mingħajr dokumenti dan ma jistax jitqabbad ma’ titjira u jitlaq minn Malta lejn il-Ġermanja, l-pajjiż fejn jiġu aċċettati. Id-dokumenti huma mportant kemm jekk id-deportazzjoni tkun waħda sforzata u anke jekk tkun volontarja. U problema oħra hija li dan permezz ta’ Shengen jista’ jerġa’ jiġi Malta mingħajr problemi ta’ xejn.
Is-Sirjan qal fil-Qorti li huwa lest li jitlaq minn Malta mal-ewwel opportunità li jkollu. Kienet mitluba wkoll ordni ta’ protezzjoni qal l-Ispettur għax tinsab imwerwra minnu. Il-Qorti skwalifkatu wkoll milli jkollu liċenzja għall-perjodu ta’ tmien t’ijiem. Għalih deher l-Avukat Christopher Chircop.
//= $special ?>