Tuneżin ta’ 31 sena ammetta quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco li nhar il-Ħadd li għadda huwa pprova jħalli Malta fuq titjira għal Lyon fi Franza meta fil-pusses tiegħu kellu €45,000 fi flus kontanti meta l-liġi tistipola li persuna ma tistax toħroġ mill-pajjiż aktar minn €10,000.
Saifeddine Oueslati li f’Malta joqgħod il-Belt Valletta ammetta li wettaq dan ir-reat fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta bejn it-3.00pm. u l-5.00pm. Ommu Najoua Ajmi ta’ 63 sena, li ammettiet fil-Qorti li ffalsifkat passaport meta kienet se tħalli Malta fuq l-istess titjira ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin filwaqt li s-sentenza fil-konfront ta’ binha mistennija tingħata fis-6 ta’ Jannar fit-8.30 a.m. wara li tisma’ s-sottomissjonijiet minn naħa tad-difiża u l-prosekuzzjoni.
L-Ispettur Karl Roberts li flimkien ma’ l-Ispettur Matthew Grech ressqu lir-raġel u ommu li tgħix ma’ binha qal li nhar il-Ħadd li għadda fl-4.00pm. il-Pulizija tal-Immigrazzjoni tal-ajruport irċevew informazzjoni minn gate 2 tal-ajruport li fuq titjira lejn Lyon il-‘ground handlers’ tal-kumpanija ‘Avita’ interċettew ‘boarding pass’ li deherilhom li kien falsifikat.
Dan wara li nnutaw id-dokument b’wiċċ Ajmi, li kienet karta tal-identità falsifikata. Roberts qal li hu kien infurmat b’dan kollu filwaqt li Oueslati qal lill-Pulizija li ommu ma kienet taf xejn bid-dokument u li kien hu li għaddih lilha. L-akkużat informa wkoll lill-Pulizija li fil-pusses tiegħu kellu diversi pakketti bi flus kontanti ta’ €45,000.
L-Ispettur Kark Roberts qal li fil-kors tal-investigazzjoni Ajmi kellha tmur l-isptar Mater Dei għal intervent kirurġiku, u li hija ġiet liċenzjata t-Tnejn u għamlet stqarrija mal-Pulizija. Tenna li dawn il-pakketti infetħu fil-preżenza tal-akkużat, tal-Pulizija tal-FCID u d-Dwana fejn ħarġu irċevuta lill-akkużat, li kien mixli wkoll li sar reċidiv.
L-Avukat Franco Debono li flimkien mal-Avukati Marion Camilleri u Gianluca Cappitta deheru għall-akkużati qalu lill-Qorti li xtaqsa li jagħmlu xi sottomissjonijiet dwar il-każ bil-Qorti tiddiferixxi l-kawża għal nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Jannar. Id-difiża ma’ għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest sas-seduta li jmiss. F’każijiet bħal dawn il-liġi tgħid li għandhom jiġu konfiskati l-flus kollha li jaqbżu l-€10,000, u meta jkun il-każ il-persuna teħel multa fuq dik is-somma.
.
//= $special ?>