Lokali

WARA L-VOT FIL-PARLAMENT: Il-President Emeritu tgħid li tinsab “diżappuntata ħafna”

Reazzjoni iebsa mill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca wara li l-Gvern baqa’ għaddej bl-emenda għall-Kodiċi Kriminali li se tiftaħ bieb għall-abort f’pajjiżna. “Diżappuntanti” kienet il-frażi li użat Coleiro Preca biex tiddeskrivi l-vot fil-Parlament. Għalkemm insistiet illi xorta qed tittamma li din il-liġi tiġi emendata.

Minn naħa tal-Gvern, id-deputati kollha li kienu preżenti għas-seduta Parlamentari tat-Tnejn, kollha ivvutaw favur din l-emenda. Bil-Ministri JoEtienne Abela u Clifton Grima – li intervistajnihom aktar kmieni illum – qed jibqgħu jgħidu li dan mhuwiex abort.

Dalgħodu, lill-Ministru tal-Anzjani saqsjenih ukoll għaliex il-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu b’din il-liġi. Iżda hu qalilna illi jinsab persważ li mhux se jkun hemm abbuż.

Intant, fl-aħħar sigħat, l-organizzazjoni Doctors for Life irreaġixxiet għall-vot li ttieħed fil-Parlament u dak li seħħ barra l-Kamra tar-Rappreżentanti meta d-deputati tal-Gvern ivvutaw favur. Bit-tobba jgħidu li ma tistax tkun favur il-ħajja u favur l-abort.