Kultura Lokali Mużika

Il-Banda Ċittadina Sliema tiftaħ il-Festi Ċentinarji bi Programm speċjali tal-Milied

Ritratt: Laura Debono

Il-Programm Annwali tal-Milied tal-Banda Ċittadina Sliema din is-sena ttella’ nhar il-Ġimgħa li għadda fis-Santwarju Parrokkjali tas-Sultana tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u ħa xejra aktar speċjali għaliex is-Soċjetà bdiet tiċċelebra l-Festi Ċentinarji mit-twaqqif tagħha.

Il-Banda Ċittadina Sliema kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha, Lesley Tabone, u għal dan il-Programm tal-Milied, il-banda kienet ukoll akkumpanjata mill-kantanta magħrufa Nicole Hammett biex indaqqew diversi siltiet natalizzji tal-widna fosthom Sleigh Ride, Winter Wonderland, Cantique de Noel, A Christmas Celebration u Merry Christmas Everyone.

Il-Programm Mużikali ttella’ bil-kollaborazjoni tal-Komunità Franġiskana Minuri, il-Kummissjoni Festi Parroċċa Madonna tas-Sacro Cuor u l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, immexxi mis-Sindku, John Pillow, u l Viċi-Sindku, Anton Debono.

Tul il-programm, li ġie ppreżentat minn Antoinette Falzon, tħabbar l-Programm tal-Festi Ċentinarji b’għadd ta’ attivitajiet li jilħqu l-qofol tagħhom nhar l-Erbgħa 10 ta’ Mejju 2023 kif ukoll fil-Festa Titulari tal-Madonna tas-Sacro Cuor fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju.

Is-Soċjetà Filarmonika Sliema twaqqfet fl-10 ta’ Mejju 1923 bl-għan prinċipali li tieħu sehem ta’ kull sena fil-Festa Titulari tal-Patruna tagħha, il-Madonna tas-Sacro Cuor, li tagħti s-sehem tagħha fl-organizazzjoni tal-Festi Esterni, li l-Banda Cittadina Sliema tkun waħda rappreżentattiva f’Tas-Sliema u li tkattar il-kultura mużikali fil-parroċċa u f’Tas-Sliema bit-tagħlim u l-apprezzament tal-mużika.