Festi Knisja Kultura Lokali

Il-Grupp Armar Marija Assunta tal-Mosta ttella’ l-wirja annwali tal-Milied

Kif għamlet f’dawn l-aħħar 24 sena, il-Grupp Armar Marija Assunta tal-Mosta qed jorganizza l-wirja annwali li ssir fiz żmien tal-Milied, li tikkonsisti f’diversi xogħolijiet artistiċi li jfakkru l-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù, b’diversi esebiti minn nies u artisti differenti.

Fil-wirja ta’ din is-sena wieħed jista’ jsib il-presepju li sar mill-membri tal-grupp bil-għajnuna ta’ Vincent Aqulina u l-pasturi maħdumin fit-terracotta minn Jesmond Micallef u li ġie sottomess ukoll għall-kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepju.

Hemm diversi presepji minn esebituri differenti filwaqt li l-attrazzjoni prinċipali ta’ din s-sena li hija Natività lifesize, xogħol l-artist prominenti Għawdxi l-Kav. Adonai Camilleri Cauchi.

Il-wirja se tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 8 ta’ Jannar, bil-ħinijiet tal-ftuħ ikunu mit-Tnejn sas-Sibt bejn il-5pm u 8pm. Fil-Ħdud u festi, il-wirja tkun miftuħa mill-10am sa 12pm u mill-5pm sat-8pm, ġewwa l-maħżen tal-armar li jinsab fi Triq il-Parroċċa biswit l-Bażilka tal-Mosta.