Il-President Ukren Volodymyr Zelensky jinsab għaddej bl-ewwel żjara barra pajjiżu mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna fi Frar li għadda. Hu issa wasal fl-Istati Uniti għal laqgħat mal-President Amerikan Joe Biden u meta Washington qed iħejji aktar għajnuna militari lill-qawwiet Ukreni biex jirreżistu aħjar l-offensiva tal-Armata Russa.
Ma ngħatawx dettalji dwar il-vjaġġ ta’ Zelensky minħabba kriterji ta’ sigurtà, bil-President Ukren isostni li l-laqgħa ma’ Biden għandha sservi biex issaħħaħ sew il-kapaċitajiet ta’ pajjiżu biex jiddefendi kontra l-bumbardamenti kontinwi tar-Russi fuq l-ibliet prinċipali. Mistenni wkoll li Zelensky jagħmel diskors lill-Kungress ta’ Washington waqt li hemm ipprogrammati l-laqgħat bejnu u uffiċjali oħra tal-Gvern Amerikan.
Il-White House ikkonferma li l-Istati Uniti se tipprovdi lill-Ukreni b’sistema ta’ missili tat-tip Patriot li hi inkluża f’pakkett ġdid ta’ assistenza għall-għajnuna ta’ sigurtà lill-Ukrajna u li hi ekwivalenti għal kważi żewġ biljun dollaru. Il-Patriot jinvolvi sistema ta’ difiża sofistikata li tgħin biex l-Ukreni jiddefendu ruħhom kontra d-drones u l-missili li r-Russi qed jisparaw lejn il-faċilitajiet kritiċi għall-poplu tal-Ukrajna u li huma intiżi biex ikissru l-moral taċ-ċittadini.
F’din is-sitwazzjoni, miljuni ta’ Ukreni spiċċaw mingħajr elettriku u mezzi għall-heating meta t-temperaturi fir-reġjun niżlu taħt iz-zero.
L-Istati Uniti hi fost l-aktar alleati importanti tal-Ukrajna u l-fatt li Biden kien qed jilqa’ lil Zelensky f’Washington jikkonferma jerġa’ aktar li l-Istati Uniti hi impenjata biex tappoġġja lill-Ukreni għaż-żmien kollu neċessarju.
Intant, ir-Russja qalet li ż-żjara ta’ Zelensky fl-Ukrajna għandha twassal għal ‘aggravazzjoni tal-konflitt’ u li s-sitwazzjoni ‘ma tawgurax tajjeb għal Zelensky u l-Ukreni’.
Fl-istess ħin, mhux mistenni li Zelensky jingħata l-armamenti għal fuq id-distanzi twal li ilu żmien jitlob lill-Amerikani….Armamenti li jippermettu biex il-qawwiet Ukreni jolqtu diversi miri fir-Russja li huma ‘il bogħod mill-fronti tal-gwerra.
Iż-żjara ta’ Zelensky f’Washington, fil-fatt, saret l-għada li hu mar għal xi żmien fil-belt Ukrena ta’ Bakhmut li saret waħda mill-aktar zoni tal-gwerra ħorox u fejn seħħew uħud mill-akbar battalji tal-gwerra.
Iżda waqt li l-President Zelensky jinsab determinat daqs qatt qabel biex jaħtaf lura t-territorji kollha ta’ pajjiżu li waqgħu lir-Russi, il-President Putin, bħalissa qed iħejji ‘diskors importanti’ bil-ħsieb li jiffissa l-miri militari tar-Russja għall-2023.
//= $special ?>

