Internazzjonali

Il-Kanada: Raġel mingħajr residenza fissa jinqatel brutalment minn gang ta’ tfajliet adolexxenti

Tmien tfajliet adolexxenti – b’etajiet bejn it-13 u 16-il sena — jinsabu akkużati bl-omiċidju brutali ta’ raġel ta’ 59 sena fin-naħa t’isfel ta’ Toronto.

It-tfajliet huma akkużati li aggredew lir-raġel bħala grupp, bil-konsegwenza li l-vittma sofra diversi daqqiet ta’ sikkina li rriżultaw fatali.

L-awtoritajiet ma ħarġux l-isem tal-vittma – li miet l-isptar ftit wara l-attakk — iżda  magħruf li hu kien residenti f’xelter għall-persuni mingħajr dar.

Is-Sindku ta’ Toronto, John Tory, qal li kien ixxukkjat u mnikket ferm b’dan ir-reat rari wara li t-tfajliet — li l-identitajiet tagħhom qed ikunu protetti taħt il-liġi tal-Kanada — spiċċaw arrestati viċin is-sit fejn inqatel ir-raġel. Ingħad ukoll li l-pulizija elevaw numru ta’ armi mill-istess sit u li hemm sinjali li t-tfajliet kienu deċidew biex ‘joqtlu lil xi ħadd’ wara li ltaqgħu fuq il-media soċjali.

Tlieta mit-tfajliet kienu magħrufa diġà mal-pulizija li qed jinvestigaw il-każ.