Grazzi talli mhux biss taċċerta li l-Partit Nazzjonalista jkompli jkun it-tarka favur il-ġustizzja f’pajjiżna iżda ankè favur il-ħajja, partikolarment f’dawn l-aħħar ġimgħat hekk kif sforz il-ħidma tal-grupp parlamentari kollu, il-Partit Nazzjonalista kien, għadu u jibqa’ jinsisti biex jaħdem kemm favur il-ħajja tal-omm u favur il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf.
Kien dan il-messaġġ ewlieni li waslu diversi persuni li l-Erbgħa filgħaxija żaru d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista hekk kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, flimkien ma’ martu AnneMarie, laqgħu lin-nies għall-awguri fl-okkażjoni ta’ dawn il-jiem ta’ festi…fl-uffiċju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Preżenti fid-Dar Ċentrali diversi familji, żgħażagħ u anzjani li lkoll wasslu l-awguri tagħhom lil-Kap tal-Partit Nazzjonalista, u sabu ħin jitkellmu miegħu dwar kwistjonijiet li jolqtuhom direttament.
Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jżomm fil-quċċata tal-aġenda tiegħu l-interessi taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin partikolarment it-tema tal-abort, is-serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll ….fost ħafna affarijiet oħra ….is-sitwazzjoni fit-toroq tal-pajjiż.
Diversi persuni sostnew li ta’ kuljum qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi varji; sfidi ġodda li qatt ma kienu jobsru li se jgħaddu minnhom.
Bernard Grech saħaq li dan sfortunatament huwa faqar ġdid, realtà ġdida li s-soċjetà Maltija għaddejja minnha sforz l-għoli tal-ħajja; għaliex bħall-bqija tad-dinja pajjiżna għaddej minn żminijiet mhux daqshekk faċli.
Huwa insista li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun proattiv fil-proposti tiegħu bħal ma dejjem għamel sabiex iċ-ċittadin jgħix il-ħajja b’dinjità li tixraqlu.
