Internazzjonali

L-Afganistan: It-Taliban issa anki qed jagħlaq l-universitajiet għat-tfajliet u n-nisa

L-awtoritajiet Iżlamiċi tat-Taliban ħarġu direttivi li jipprojbixxu lit-tfajliet u n-nisa milli jattendu l-università. Dan meta fl-aħħar sigħat ħarġu l-filmati tat-tfajliet bil-hijab – uħud minnhom imbikkma – huma u jitmexxew ‘il hinn mill-kampus taħt skorta ta’ irġiel armati.

L-istudenti kienu ilhom jibżgħu minn din l-eventwalità mindu t-Taliban irritorna fil-poter, wara nuqqas ta’ 20 sena, matul is-sajf tal-2021.

Intant, il-projbizzjoni għall-edukazzjoni universitarja lin-nisa qed issir wara li t-Talibani, fl-aħħar sena u nofs, eskludew lill-ibniet mill-parti kbira tal-iskejjel sekondarji fil-pajjiż.

Ħafna mill-istudenti nisa li setgħu jitkellmu mas-sorsi barranin qalu li t-Taliban ‘qed iċaħħadhom minn futur deċenti’ kif ukoll mid-dritt għall-istudju.

Dan meta l-istituzzjonijiet tat-tagħlim– inklużi l-iskejjel reliġjużi Iżlamiċi u l-kulleġġi privati – qed jirrispettaw ‘diġà’ id-direttiva tat-Taliban f’numru ta’ provinċji Afgani.

Fl-istess ħin, is-sorsi fil-kapitali Kabul u fil-provinċji ta’ Takhar u Ghazni qalu li t-Taliban qed jieħu l-miżuri kollha biex iwaqqaf lit-tfajliet milli jattendu ċ-ċentri privati għall-edukazzjoni fl-inħawi.

L-indikazzjonijiet huma li kull mezz u istituzzjoni fl-Afganistan li jipprovdu l-edukazzjoni formali lin-nisa qegħdin jingħalqu għal żmien indefinittiv, bit-Taliban ma jemminx fid-dritt għat-tagħlim għall-bniet u n-nisa.