“Ma nħossnix komdu li nibgħat lil ibni jsuq ir-rota fit-toroq Maltin…anzi nieħu qatgħa”.
Sostna dan il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie mniedi l-pjan fuq il-karta tat-tieni Road Safety Strategy…wara li ċ-ċifri ta’ dik imħabbra lura fl-2014 jidhru biċ-ċar li falliet bil-kbir.
Ma’ dan id-diskors li lissen Falzon qabel miegħu proprju l-Ministru tat-Trasport u Traffiku Aaron Farrugia li stqarr li lanqas hu ma jafda lil uliedu jsuqu r-rota fit-toroq.
L-istrateġija mnedija lura fl-2014 kellha l-mira li l-fatalitajiet fit-toroq Maltin jonqsu bin-nofs…iżda mhux talli ma naqsux bin-nofs talli aktar milli rduppjaw…sabiex s’issa din is-sena biss Malta rreġistrat 25 mewta kawża ta’ inċidenti ta’ traffiku – 25 persuna, familja, li rat lil maħbubin tagħhom maħtufa għal dejjem.
Aaron Farrugia insista li hu ma jafx kemm se jonqsu l-imwiet grazzi għal dawn il-proposti li qed jimbotta ‘l quddiem f’din l-istrateġija l-ġdida, iżda ammetta li kieku ttieħdu ċertu deċiżjonijiet f’dawn l-aħħar snin…il-Gvern seta’ evita dawn l-imwiet.
Meta mistoqsi dwar dan il-Ministru spiċċa jistaqsi lil Net News….sabiex ammetta li hu mhux l-espert..u ħadha kontra min jikkritika lilu jew lill-Gvern.
Wara li f’Jum ir-Repubblika l-President George Vella sostna li ma jistax ikun li l-poplu jkun iġġammjat fit-traffiku, Net News staqsa lill-Ministru x’soluzzjoni għandu…bit-tweġiba tkun li l-Gvern mhux se jsolvi l-problema hu.
Filwaqt li saħaq li t-traffiku qawwi jkun filgħodu biss – huwa propona li biex jiġi evitat dan s-servizzi, fost oħrajn tal-isptar, skejjel u qrati…ma jibdewx jingħataw fl-istess ħin.
Mistoqsi dwar it-trasport tal-massa – jiġifieri tal-Metro – Aaron Farrugia qal li l-Gvern għadu ma ddeċiediex x’se jagħmel dwarha.
Dan filwaqt li żerżaqa li jekk dan ma jirnexxiex, se jerġa’ jdur għal tal-linja.
Matul din il-konferenza sar magħruf ukoll li sal-lum il-ġurnata l-Gvern m’għandux data uffiċjali biex jara x’qed iwassal għal dawn l-inċidenti kollha, u għaldaqstant fi ħsiebu li jwaqqaf Kummissjoni tas-Sigurtà fit-toroq.
Dan filwaqt li sal-lum m’hemm l-ebda tagħmir sabiex jiġi stabbilit sewwieq ikunx qiegħed isuq taħt l-influwenza ta’ xi tip ta’ sustanzi illeċiti għajr għal alkoħol.
Dan minkejja li għal snin sħaħ l-esperti appellaw lill-Gvern biex isolvi dan…proposti li tħallew fuq l-ixkaffa…sal-lum il-ġurnata.
//= $special ?>