Fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta, ħadu l-ġurament tal-ħatra l-imħallfin il-ġodda Doreen Clarke u Josette Demicoli.
F’messaġġ li għadda…il-President qal li l-poplu Malti ser ikun qed iserraħ fuq l-għaqal u d-dehen tal-imħallfin il-ġodda biex tkompli titħares il-Kostituzzjoni, il-liġijiet, kif ukoll l-interessi ta’ kull persuna. Filwaqt li fisser din l-okkażjoni bħala importanti ħafna għall-ġustizzja u għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt f’Malta, il-President Vella qal li ż-żewġ imħallfin għandhom esperjenza twila u pożittiva bħala maġistrati.
Il-President ħeġġeġ lill-Imħallfin Doreen Clarke u Josette Demicoli biex iżommu quddiem għajnejhom li għall-poplu, huma eżempju ta’ korrettezza, etika u onestà fl-imġiba tagħhom kullimkien … mhux fuq il-bank tal-Qorti biss.
Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ħatra kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, l-Avukat tal-Istat Chris Soler, u l-Prim Imħallef Mark Chetcuti.
//= $special ?>