Futbol Sport

Marcolini u Tesse ippreżentati bħala kowċis tat-timijiet nazzjonali

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret aktar kmieni fis-Centenary Hall, il-Malta Football Association ippreżentat lil Michele Marcolini u Manuela Tesse, il-kowċis il-ġodda tat-timijiet nazzjonali tal-Irġiel u tan-Nisa rispettivament.

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo fid-diskors tiegħu qal li huwa importanti li jkun hemm filosofija waħda fil-kategoriji differenti tat-timijiet nazzjonali u għalhekk dawn iż-żewġ kowċis mhux biss se jkunu qed jaħdmu mat-timijiet ewlenin iżda anke mal-grassroots.

Michele Marcolini, kowċ nazzjonali tal-Irġiel qal li jinsab kburi li nħatar kowċ ta’ Malta u qal li jinsab lest li jibni fuq it-tajjeb li sar fl-aħħar snin filwaqt li jimplika l-ideat tiegħu biex il-prestazzjonijiet ikomplu jitjiebu.

Marcolini, li għandu 47 sena, qal li l-aktar affarijiet li jara li l-plejers għandhom ikollhom huma l-edukazzjoni, ir-rispett u s-sagrifiċju u qal li b’dawn il-valuri it-tim għandu jirnexxi.

Marcolini spjega li minkejja li qatt ma kien kowċ tat-tim nazzjonali, wieħed irid jibda minn ximkien. Madankollu spjega li matul is-snin kiseb esperjenzi kemm barra kif ukoll fil-grawnd li se jgħinuh jilħaq il-miri tiegħu.

L-eks kowċ ta’ Chievo u Novara fost oħrajn kien preżentat flimkien ma’ Manuela Tesse, il-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali tan-nisa.

Tesse twieldet u trabbiet f’Sardinja u bdiet l-ewwel passi tagħha fil-futbol f’din il-gżira. Dan kien ifisser li kellha tegħleb sensiela ta’ ostakli filwaqt li f’dak iż-żmien l-opportunitajiet tal-futbol għan-nisa kienu anqas. Madankollu, temmen li r-rieda qawwija għenitha fil-karriera tagħha.

Hija qalet li minħabba ċ-ċokon ta’ Malta aktar tħossha komda għax tista tirrelata ma’ pajjiża hekk kif hi ukoll ġejja minn ġżira. Tesse qalet li fl-aħħar snin il-futbol tan-nisa f’Malta tjieb u faħħret ħafna l-plejers Maltin li bħalissa qed jilagħbu barra minn xtutna.

Tesse wkoll qalet li hija kburija li ngħatat it-tmexxija tat-tim nazzjonali Malti u saħqet li l-għan tagħha hu li Malta tgħaddi minn Grupp C għal B.