Kif wiegħed, il-Partit Nazzjonalista kompla jsegwi u baqa’ f’kuntatt ma’ kważi ħamsin uffiċjali tas-sigurtà impjegati ma’ kumpaniji terzi f’San Vinċenz De Paul, li kienu trasferiti bi trasferiment ta’ negozju lil kumpanija ġdida li ngħatat it-tender il-ġdid. Il-Partit Nazzjonalista kien ukoll f’kuntatt ma’ numru simili ta’ impjegati tas-sigurtà, li għaddejjin mill-istess sitwazzjoni fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
Fi stqarrija d-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo saħaq li rriżulta li għalkemm il-kumpanija l-ġdida hi obbligata li timpjega lill-impjegati kollha sal-21 ta’ Diċembru, li kienu allokati fl-SVDP u l-31 ta’ Diċembru għal dawk allokati fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni bl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol, pagi u anzjanità, numru kbir minn dawn l-impjegati ma ġewx ikkuntattjati jew infurmati mill-kumpanija l-ġdida jekk jew meta se jibdew ix-xogħol minkejja li dan kellu jsir sal-lum fil-każ ta’ l-SVDP.
Il-Gvern ta’ Robert Abela, li jgħid li għandu għal qalbu lill-ħaddiema, jidher biċ-ċar li ma jimpurtahx minnhom u mid-drittijiet tagħhom. Il-Gvern kien infurmat bl-ismijiet ta’ kull ħaddiem li għandu jkun trasferit fil-kumpanija l-ġdida u ma għamel xejn biex jassigura li d-drittijiet tagħhom ikunu imħarsa. U dan kollu ftit jiem qabel il-Milied, fejn dawk l-impjegati li mhux jidħlu għax-xogħol huma inċerti dwar il-futur tagħhom u tal-familja tagħhom. Dan kien ir-rigal tal-Milied li Robert Abela u l-Gvern tiegħu taw lil dawn il-ħaddiema Maltin u Għawdxin, kif ukoll lill-familji tagħhom dan il-Milied. Aktar inċertezza.
L-istess gvern li ta t-tender lill-kuntrattur il-ġdid, l-istess gvern li mhu qed jagħmel xejn biex jiżgura li l-kundizzjonijiet tat-tender ma jkunux qed jinkisru, iżda hu obbligat li jassigura li l-kuntrattur il-ġdid josserva l-kundizzjonijiet tat-tender u li d-drittijiet legali tal-ħaddiema jkunu imħarsin u ma jitħallewx fid-dlam, mingħajr xogħol jew paga għal dan il-Milied. Il-Gvern ma jimpurtahx mill-governanza tajba u wisq inqas mill-ħaddiema.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar lill-Gvern li hu r-responsabbiltà tiegħu li jiżgura li ħadd ma jiddiskrimina kontra l-ebda ħaddiem. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lill-ebda ħaddiem waħdu, speċjalment f’dan iż-żmien, u jassigura li se jagħmel dak kollu li jista’ biex jara li d-drittijiet u l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha jkunu mħarsa u mhux minsija bħal ma qed jagħmel il-Gvern ta’ Robert Abela.
//= $special ?>