Robert Aquilina f’intervista li saritlu fil-programm ‘Magħkom’ mill-preżentattriċi Lea Hogg, spjega kif waqt li kien qiegħed jagħmel protesta leġittima quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija f’Ottubru tal-2021, kien ġie mhedded minn Ufficjal għoli tal-pulizija.
Aquilina fisser kif uffiċjal tal-Korp kien heddu li jekk ma kienx ser ineħħi wiċċ Angelo Gafa’ minn fuq banner li kien imwaħħal mal-Kwartieri, lil Aquilina kienet ser titneħħilu l-protezzjoni li l-pulizija kienet bdiet tagħti lill-familja tiegħu għaxart ijiem qabel.
Skond Aquilina, it-theddid sar waqt li dan l-uffiċjal kien fi triqtu biex jidħol għal laqgħa mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa’, iżda huwa irrifjuta li jneħħi l-banner u baqa’ għaddej bil-protesta kif kien pjanat.
Matul l-investigazzjoni mis-CID, Aquilina kien ta’ żewġ statements irrekordjati lill-pulizija u ta d-dettalji kollha tat-theddida. Ġie mitkellem ukoll ix-xufier tal-uffiċjal tal-Pulizija, li ikkonferma li l-uffiċjal kien ċempel lil Aquilina fil-preżenza tiegħu.
Iżda minn naħa tiegħu, meta l-uffiċjal tal-Korp ġie interrogat mis-CID, l-uffiċjal kien irrifjuta li jagħti rendikont ta’ għemilu u minflok żamm id-dritt tas-silenzju.
Meta l-investigazzjonijiet waslu fi tmiemhom, l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg waslet għall-konklużjoni li ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex jitniedu proċeduri kriminali kontra l-uffiċjal għoli tal-Korp.
Fuq talba ta’ Robert Aquilina, il-Kummissarju tal-Pulizija ordna lill-uffiċjal tiegħu biex ma jkellimx lil Aquilina u lanqas jersaq viċin attivitajiet organizzati minn Repubblika.
Jidher li dan l-uffiċjal tal-Korp se jirriżenja mill-Pulizija b’effett mit-8 ta’ Jannar li ġej u instablu impjieg ma’ aġenzija tal-Gvern.
Fid-dawl ta’ dan kollu, Robert Aquilina esprima t-tħassib tiegħu għaliex hija ħaġa inkwetanti li uffiċjal għoli tal-Pulizija jħalli lill-Korp bla spjegazzjoni dwar allegazzjoni daqstant gravi fil-konfront tiegħu u tal-Korp … u jagħżel is-silenzju.
//= $special ?>