Għal sena oħra l-bibien tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Floriana se jkunu miftuħa għall-ikla tal-Milied li torganizza Caritas Malta. Ghalkemm b’kollox, il-Caritas se tkun qed tagħti elf ikla f’Jum il-Milied, li jinkludu l-ikliet li se jingħataw fil-Kurja.
Din l-inizjattiva bdiet issir fl-2015 bl-iskop tagħha jkun li tilqa’ lil dawk li jew m’għandhomx ma min iqattgħu Jum il-Milied u allura għal min ibati mis-solitudni jew min m’għandux biżejjed flus biex jiekol f’Jum il-Milied.
Din is-sena f’dan il-jum qed ikun imbassar li jattendu ‘l fuq minn 500 persuna għall-ikla tal-Milied fil-Kurja, 300 ikla se jitqassmu fid-djar filwaqt li 200 persuna oħra se jirċievu ikla u kif ukoll rigal ċkejken.
Għal dawn tal-aħħar, il-parroċċi rispettivi se jkunu qed jagħtu l-kontribut tagħhom.
Net News tkellem ma’ Marica Cassar illi spjegatilna x’se jkun hemm differenti din is-sena.
“Ilna weqfin sentejn minħabba l-Covid-19, u f’dawn is-sentejn morna għand in-nies, tkellimna u ħadna l-ikel magħna, din is-sena l-attività se tkun speċjali, se ssir l-ikla fil-Kurja, iżda se nkunu wkoll qed immorru għand dawk in-nies li ma jistgħux joħorġu minn djarhom u xorta waħda se nkunu qed inżommulhom kumpanija”
Julian Sammut f’isem il-Fondazzjoni Alfred Mizzi, fissrilna kif din il-Fondazzjoni tgħin billi tipprovdi l-ikel u t-tisjir f’dan il-jum speċjali.
“Din is-sena l-menu se jikkontisti fl-imqarrun, imbagħad id-dundjan u l-patata u wara jsegwi l-ħelu. Mhux ċajta li tagħmel dan kollu, iżda bl-għajnuna tan-nies isir kollox sew u nassigura li dawk li se jiġu se jieklu qishom jinsabu fl-aqwa ristorant”
Net News kellu l-opportunità jara lil bosta voluntieri jaħdmu u jarmaw l-imwejjed għall-Ħadd li ġej – tkellimna ma’ Cynthia Formosa, li din is-sena se tkun qed tqatta’ jum il-Milied tgħin biex din l-ikla tkun suċċess.
“Il-volontorjat dejjem kien jogħġobni u lill-familja dejjem kont ngħidilha nixtieq immur ngħin. Din is-sena, għamilt kuraġġ, allura applikkajt u aċċetawni”
Din l-ikla f’Jum il-Milied ssir grazzi wkoll għal entitajiet oħra bħall-Uffiċċju tal-President li jgħin sabiex tingħata d-deżerta waqt l-ikla.
Minn Jannar, inizjattivà li se tqassam 1,000 ikla fil-ġimgħa
Mis-sena d-dieħla, il-Knisja permezz tal-entità Loop, Caritas Malta u l-Fondazzjoni Alfred Mizzi se jkunu qed iqassmu mal-elf ikla fil-ġimgħa biex jagħtu ikla bnina kuljum lil kważi mitejn persuna.
Dawn l-ikliet ta’ solidarjetà se jkunu qed isiru grazzi għal numru ta’ voluntieri mil-kċina Tal-Virtù, fir-Rabat, u issa, se jkun aktar faċli biex l-ikel jitqassam bl-aqwa mod possibbli fid-djar u fil-parroċċi.
//= $special ?>