Il-Moviment Graffitti jikkundanna bis-sħiħ it-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ għexieren ta’ couriers li li jaħdmu għal rashom mal-kumpanija Bolt, li hi bbażata fuq mobile app, u li se jitilfu l-impjieg tagħhom mill-bidu tal-2023.
Id-deċiżjoni li jitkeċċew għexieren ta’ xufiera li jaħdmu għal rashom saret fid-dawl tal-bidla li għamel fil-leġiżlazzjoni l-Gvern f’Ottubru. Għalkemm il-kumpanija Bolt u l-Gvern infushom m’għamlux rabta diretta bejn il-bidla fil-leġiżlazzjoni u t-terminazzjoni ta’ għexieren ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, huwa evidenti li l-kumpanija Bolt malajr sabet mod kif tfarfar fil-kuntest ta’ din il-liġi l-ġdida.
Fil-21 ta’ Ottubru, il-Gvern uffiċjalment ippubblika leġiżlazzjoni li primarjament ġiet promulgata “sabiex tiżgura li l-persuni ingaġġati biex jipprovdu servizzi mħallsa billi jwasslu kwalunkwe prodott għand il-konsumatur, jiksbu aċċess għad-drittijiet tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali billi taċċerta d-determinazzjoni korretta tal-status ta’ impjieg tagħhom”.
Minflok tirrikonoxxi lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom bħala impjegati, li hu dak li l-leġiżlazzjoni tal-Gvern suppost tikseb, il-kumpanija Bolt iddeċiediet li ġġiegħel il-couriers li jaħdmu għal rashom jaħdmu ma’ aġenziji ta’ reklutaġġ esplojattivi jew inkella jispiċċaw bla xogħol.
Billi naqas milli jipprojbixxi l-aġenziji ta’ reklutaġġ esplojattivi mis-settur, aġenziji magħrufa għal prattiċi bħat-teħid inġust ta’ nofs il-paga tax-xufiera għal kull delivery, in-nuqqas tad-dritt għal leave, kif ukoll it-teħid ta’ miżati kbar li jħallu x-xufiera bid-dejn, il-Gvern ħalla lakuna li qed tiġi sfruttata mill-kumpanija Bolt sabiex teħles mill-couriers li ma jixtiqux jaħdmu għall-aġenziji.
Huwa tal-mistħija li l-kumpanija lanqas biss indenjat ruħha twieġeb il-mistoqsijiet tal-midja dwar liema “raġunijiet marbuta man-negozju” wasslu għal deċiżjoni li taffettwa b’mod dirett is-sitwazzjoni finanzjarja tal-ħaddiema li jiddependu fuq id-dħul li jagħmlu, speċjalment fi żmien tas-sena meta wieħed ikun qed ifittex jirkupra dak li jkun nefaq matul il-vaganzi.
Filwaqt li l-fundaturi tal-kumpanija se jkomplu jagħmlu l-lobbying biex inaqqsu l-leġiżlazzjoni Ewropea maħsuba biex trażżan il-prattiki kummerċjali insostenibbli tagħhom matul l-2023, ix-xufiera tagħhom li jaħdmu għal rashom f’Malta se jbatu r-riżultati diretti tal-mudell ta’ tkabbir ‘problematiku’ tagħhom li jonqos milli jagħraf ix-xufiera bħala impjegati.
Id-deċiżjoni tal-kumpanija Bolt li ġġib biss xufiera minn aġenziji ta’ reklutaġġ parassiti li jitolbu ħlasijiet inġusti miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu għalihom, juri biċ-ċar il-prijoritajiet tal-kumpanija x’inhuma.
Għal darb’oħra nesprimu t-tħassib serju tagħna dwar l-attitudni laxka tal-Gvern lejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema mill-kumpanija Bolt u l-kumpaniji ta’ reklutaġġ li jippermettuhom, ksur rappurtat b’mod estensiv u li kien gravi biżżejjed biex f’Lulju li għadda jsir strike ikkordinat minn mijiet ta’ couriers.
Huwa tal-mistħija li l-mudell ta’ negozju ta’ kumpanija jiġi mogħti aktar prijorità mill-ħajja tal-individwi li qed ifittxu kumpens ġust għax-xogħol li jagħmlu.
Jekk il-Gvern għadu jikkunsidra l-ħaddiema tal-gig economy bħala prijorità, mela għandu jipprojbixxi b’mod dirett il-kumpaniji ta’ reklutaġġ tal-couriers, li ilhom jaħdmu b’impunità għal snin twal, milli joperaw fis-settur.
//= $special ?>