Sport Waterpolo

Il-Kroat Maro Jokovic jingħaqad ma’ San Ġiljan ASC

San Giljan ASC ħabbru li ffirmaw lil plejer Kroat ta’ 34 sena Maro Jokovic.

Ix-xellugi Maro Jokovic se jkun qed jingħaqad ma’ San Giljan ASC għall-kompetizzjonijiet tas-sajf li ġej.

Jokovic lagħab ma’ Brescia fl-istaġun 2020/21 u rebaħ il-Kampjonat Taljan u l-midalja tal-bronż fiċ-Champions League. Bħalissahuwa jinsab fuq il-kotba ta’ Jug Dubrovnik.

Fil-biċċa l-kbira tal-karriera tiegħu, Jokovic lagħab mat-tim attwali tiegħu. Huwa rebaħ żewġ Champions League ma’ Jug fl-2006 u fl-2013, 13-il trofew fil-kampjonat nazzjonali kif ukoll erba’ darbiet it-Tazza Kroata.

Huwa rebaħ ukoll iċ-Champions League ma’ Pro Recco fl-istaġun 2014/15. Minbarra għal Jug, Pro Recco u Brescia, Jokovic lagħab għal Olympiacos bejn l-2019 u l-2020.

Huwa rebaħ total ta’ 38 trofew fil-kompetizzjonijiet għall-klabbs, u 20 mat-tim nazzjonali, inkluż deheb Olimpiku fl-2012, u fidda f’Rio de Janeiro fl-2016, żewġ midalji tad-deheb mill-Kampjonati tad-Dinja u id-deheb fil-Kampjonati Ewropej tal-2010.