Internazzjonali

Iżrael: Qbil dwar l-aktar Gvern tal-lemin konservattiv fl-istorja

Benjamin Netanyahu se jkun qed imexxi l-aktar Gvern tal-lemin konservattiv u radikali fl-istorja ta’ Iżrael u fejn se jservi mill-ġdid bħala Prim Ministru Iżraeljan.

Fil-fatt, Netanyahu, li rebaħ l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Novembru, issa dieħel għal sitt mandat ta’ tmexxija bħala Prim Ministru li hu wkoll rekord għal dan il-pajjiż.

Il-Gvern ta’ koalizzjoni jinkludi l-partiti estremisti tal-lemin, fosthom partit li l-kap tiegħu, darba, kien spiċċa kundannat dwar razziżmu kontra l-Għarab. U l-Palestinjani qed jinkwetaw li l-Gvern Iżraeljan ġdid anki għandu jsaħħaħ il-kontroll tal-Iżraeljani fuq ix-Xatt tal-Punent okkupat.

Il-formazzjoni tal-Gvern ġdid Iżraeljan kien konkluż qabel id-deadline impost mill-President ta’ Iżrael, Isaac Herzog u din l-amministrazzjoni għandha tieħu post il-Gvern proviżorju taċ-ċentru-xellug ladarba tingħata l-ġurament matul il-jiem li ġejjin.

Is-sieħba fil-koalizzjoni ta’ Netanyahu huma kontra l-idea ta’ soluzzjoni għall-konflitt mal-Palestinjani li tibbaża fuq żewġ Stati maġenb xulxin.

Din il-premessa, appoġġjata mill-komunità internazzjonali timmira għall-paċi fir-reġjun permezz ta’ Stat Palestinjan indipendenti fix-Xatt tal-Punent u qrib ta’ Iżrael — bil-belt ta’ Ġerusalemm isservi bħala l-kapitali taż-żewġ popli.