Direttur ta’ kumpanija ta’ 36 sena nżamm arrestat mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia wara li wieġeb mhux ħati fuq fastidju sesswali fil-konfront ta’ l-eks sieħba tiegħu nhar it-Tlieta li għaddew f’Birkirkara. Hekk kif il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fil-konfront tar-raġel residenti Ħal-Qormi, l-imputat l-ewwel lissen il-kliem “ġejt ikkundannat qabel ma ġejt ipproċessat” u dlonk qabad jibki, fejn kien konsolat minn ommu.
Huwa ġie mixli li huwa wettaq dan ir-reat fir-residenza tal-mara f’Birkirkara fil-ħin ta’ bejn is-6.15pm. u 7.45pm. u dan skont l-allegata vittma minħabba li huwa ġiegħla tagħmel atti sesswali b’ġugarelli li jintużaw għas-sess, liema atti hija rriffjutat li tagħmel.
Allegatament meta seħħ dan il-każ l-allegata vittma bdiet tgħajjar u pprovat titlaq minn maġenb l-akkużat bir-rapport jindika li dan qabadha minn xagħra. Kien mixli wkoll li ssoġġetta lill-eks sieħba tiegħu għax xi att u mġiba li kellhom konotazzjonijiet sesswali, inkluż kliem bil-fomm, mossi u mġiba kontra x-xewqa tal-mara, li dawn setgħu kienu offensivi, umiljanti, degradanti u intimidatorji fil-konfront lejha.
Huwa ġie mixli wkoll li ssekwestra lill-eks sieħba tiegħu, kkaġunalha ferita ħafifa, li nġurjha b’mod li ħareġ il-barra mil-limitu tal-provokazzjoni. Il-prosekuzzjoni talbet biex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegata vittma.
Kif tressaq il-Qorti l-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih fejn saret talba għall-ħelsien mill-arrest bl-Ispettur Audrey Micallef li ressqet lir-raġel toġġezzjona bil-qawwa kollha u dan minħabba l-biża ta’ intraċċ tal-provi u l-fatt li għad baqa’ xhud pajżan u li l-allegata vittma għad trid tixhed fil-Qorti.
L-Avukat Marion Camilleri li flimkien mal-Avukat Franco Debono deheret għall-akkużat qalet li l-verżjoni tal-mara diġa ttieħdet u għalhekk hija preservata u għalhekk il-prosekuzzjoni tista’ tikkontrolla. Qalet li l-imputat għandu kondotta nadifa u din waħedha tillimita l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi.
L-Avukat Camilleri qalet ukoll li fl-awla hemm preżenti l-ġenituri tal-akkużat, bil-missier lest li jkun ta’ garanzija għall-ħelsien mill-arrest ta’ ibnu. Barra minn hekk l-imputat huwa Malti li jissodisfa r-rekwiżiti kollha, fejn għandu indirizz fiss u familja f’Malta.
Qalet li l-verżjoni tiegħu ta u hu stess xtaq li jgħid tiegħu lill-Pulizija, li jfisser ikkopera bis-sħiħ. Dan kollu jkompli jsaħħaħ l-argument li ma jistax jidher li huwa ma jobdiex dawn il-kundizzjonijiet, u għax hemm xhud wieħed m’għandux jiġi mċaħħad mill-libertà.
Qalet ukoll li l-biża trid tkun waħda fondata u li għandu jkun hemm kundizzjonijiet fil-konfront tiegħu. L-Ispettur Micallef qalet li huwa minnu li fir-rapport hemm detallji dwar dak li qalet il-vittma, iżda bejn dan u xhieda ġuramentata tagħmel differenza. Qalet ukoll li l-imputat jaf fejn toqgħod l-eks sieħba tiegħu u mar fejn toqgħod u saru wkoll telefonati.
L-Avukat Marion Camilleri qalet li hija ovvja li jaf fejn toqgħod għax dawn kienu f’relazzjoni u ċemplilha għar-rikonċiljazzjoni Saħqet li temmen li għandu jingħata l-pleġġ taħt kundizzjonijiet stretti. Il-Qorti wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet ikkunsidrat illi għalkemm taqbel mad-difiża, li fatt waħda li jrid jixhed xhud pajżan wieħed jew iktar mhux neċċessarjament li jista’ jwassal għal intraċċ tal-provi.
Madankollu f’dan il-każ invista tan-natura tal-akkużi, l-fatt li ma hemmx xhieda oħra u l-verżjoni li tat l-allegata vittma hija totalment opposta għal li ta l-imputat fl-istqarrija tiegħu, qalet li f’dan l-istadju jekk huwa jingħata l-ħelsien mill-arrest hemm biża reali li jkun hemm kontaminazzjoni tal-provi u għalhekk f’dan l-istadju qed tiċħad it-talba.
L-Avukat Marion Camilleri talbet lill-Qorti li minħabba l-istat psikoloġiku u mentali tal-imputat u dan wara li seħħ il-każ talbet biex jinżamm Mount Carmel u għalhekk issir rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi. Il-Maġistrat qablet iżda qalet li tista’ biss tirrakkomanda għax id-deċiżjoni finali hija tad-Direttur. L-Avukat Ishmael Psaila deher għan-nom tal-allegata vittma.
//= $special ?>