Il-Partit Nazzjonalista ilu jsostni li l-Awtorità tal-Artijiet qed taħdem f’ambjent ta’ segretezza u ineffiċjenza. Dan issa ġie kkonfermat ukoll mill-Awditur Ġenerali f’rapport li rrimarka kif l-Awtorità tal-Artijiet għadha wisq dipendenti fuq files fiżiċi minkejja li suppost tħaddem software speċjalizzat.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Artijiet u d-Drittijiet tal-Konsumatur Rebekah Borg intqal li filwaqt li l-Awtorità tal-Artijiet għandha sistema diġitali, is-sitema hi ineffiċjenti, bażika u kultant kważi inaċċessibli minħabba l-mod kif topera. Dan ukoll deher biċ-ċar minn tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari li saret lill-Ministru Silvio Schembri, fejn ammetta li s-sistema diġitali mhix robusta biżżejjed għax ma tippermettix tfittxija abbażi ta’ użu preċiż u speċifiku tal-propjetà.
Id-deċiżjoni meħuda riċentament miċ-Chairperson tal-Lands, li jwaqqaf kull aċċess għas-sistema digitali ħlief għall-files li jappartjenu għal-laqgħa tal-Bord li jmiss għall-Membri kollha tal-Bord, qed tkompli żżid is-segretezza. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara talba mill-Partit Nazzjonalista għal aċċess għall-informazzjoni dwar każ li kien żvelat fl-aħbarijiet.
L-Awtorità tal-Artijiet għandu jkollha sistema digitali ddiżinjata u mħaddma sew li tnaqqas il-backlog li ilu jinġema għal snin twal, kif ukoll iżżid it-trasparenza fi ħdan l-istess Awtorità.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Awtorità għandha tfassal pjan biex tidentifika u tirreġistra b’mod ċar il-propjetà kollha tal-Gvern, filwaqt li tistabbilixxi wkoll il-valur tagħha mingħajr dewmien bla bżonn. Għandu wkoll jingħata lura l-aċċess lill-Membri kollha tal-Bord biex tkun żgurata t-trasparenza fi ħdan l-Awtorità.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jikteb liċ-Chairman tal-Awtorità biex, fil-laqgħa li jmiss tal-Bord tal-Gvernaturi, ikun diskuss il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni tal-files kollha tal-Awtorità bl-għan li tiżdied it-trasparenza u l-aċċessibbiltà mill-pubbliku in ġenerali tal-informazzjoni dwar l-artijiet tal-Gvern.
//= $special ?>