Lokali

“L-Għawdxin jafu jħaddmu moħħhom” – Anton Refalo

L-Għawdxin jafu jħaddmu moħħhom. Din kienet it-tweġiba li tana l-Ministru Għawdxi Anton Refalo meta Net News saqsieh x’reazzjoni kellu mill-Għawxdin għall-mod li bih id-Deputati Laburisti ivvutaw nhar it-Tnejn li ghadda…meta ġiet quddiemhom l-emenda li se twitti t-triq sabiex l-abort jidħol f’pajjiżna.

Ma’ dan l-istazzjon, Anton Refalo baqa’ jirrepeti r-retorika tal-Partit Laburista illi giet michuda ripetutament mill-esperti. U deher skomdu jghidulna x’qalulu l-Għawdxin wara li hu stess ivvota favur din l-emenda.

Pressat mill-misoqsijiet ta’ Net News, il-Ministru Refalo reġa’ ħarab milli jwieġeb.

It-Tnejn li għadda d-deputati tal-Labour ivvutaw favur il-liġi għat-terminazzjoni tat-tqala kif proposta mill-Prim Ministru Robert Abela; proposta li kif inhi miktuba …. mijiet ta’ esperti mediċi, legali u anke akkademiċi iddeskrivewha bħala waħda li se tkun qed iddaħħal l-abort mill-bieb ta’ wara.

Min-naħa l-oħra, id-deputati kollha tal-Partit Nazzjonalista wasslu messagg b’saħħtu, kontra l-abort u favur il-ħajja hekk kif kollha ivvutaw kontra din il-liġi li ressaq Robert Abela. Wara dan il-vot fit-tieni qari, fadal li l-liġi tmur fi stadju ta’ Kumitat, fejn hemm jistgħu jsiru ċerti emendi. Bil-Prim Ministru qed jibqa’ jinisti li se jżomm il-prinċipju tal-emenda kif proposta mill-Gvern tiegħu. U bil-PN jagħmilha ċara li l-Gvern m’għandux idaħħal din il-liġi.