Internazzjonali

L-Istati Uniti: Lesti għall-Milied taħt ‘friża straordinarja’

Maltempata ewlenija li qed taħkem f’diversi bnadi tal-Istati Uniti kapaċi tirriżulta fl-agħar kundizzjonijiet ta’ friża li l-pajjiż qatt ra għal Jum il-Milied.

Il-kundizzjonijiet ta’ friża – jew ‘cold snap’ – għal din il-ġimgħa mistennija jkunu l-aktar ħorox għal aktar minn 40 sena, bil-maltemp ilu mit-Tnejn jaħkem fir-reġjun tal-Pacific Northwest.

Il-maltempata, fl-aħħar jiem, kompliet tavvanza lejn l-Istati Amerikani tal-lvant u mistenni li tilħaq il-livell ta’ ‘ċiklun bomba’ sa tmiem din il-ġimgħa.

Mistenni wkoll li mat-80 fil-mija tar-residenti fl-Istati Uniti se jbatu mill-impatt tat-temperaturi taħt iz-zero – bil-kundizzjonijiet ta’ friża għandhom jinħassu anki fl-Istat ta’ Texas, lejn in-Nofsinar imbiegħed tal-pajjiż.

Dan ukoll meta ‘il fuq minn 90 miljun ruħ qed jirrispondu għal sitwazzjonijiet ta’ allert dovuti għall-maltemp madwar 37 Stat Amerikan.

Il-friża li dieħla mir-reġjun tal-Artiku tlaqqmet Winter Storm Elliot mill-Amerikani u l-aħħar darba li l-maltemp għal dan iż-żmien avviċina daqstant livell qalil fil-pajjiż kien lejn l-aħħar tat-tmeninijiet.

Fil-fatt, anki l-Istat ta’ Florida – magħruf bħala The Sunshine State – għandu jgħaddi mill-aktar Milied qalil, f’termini ta’ kesħa, għal dawn l-aħħar 30 sena.