Rita Camilleri, li għandha dixxindenza Maltija hija waħda mill-ħames vittmi li tilfu ħajjithom fl-isparatura li seħħet f’Toronto ftit tal-jiem ilu.
Jidher li l-familja ta’ Rita emigrat minn Malta lejn l-Awstralja fejn filfatt twieldet. Għalkemm imbagħad kienu marru jgħixu l-Kanada.
Bosta ħbieb ta’ Rita, li kellha 57 sena, sellmu l-memorja tagħha fuq il-media soċjali filwaqt li kitbu li se jibqgħu jiftakru l-ħelu li kienet issajjar – kif jixhdu dawn il-filmati… ħelu li kien tipiku Malti; fosthom il-qagħaq tal-għasel u l-imqaret.
Qraba ta’ Rita iddeskrivewha bħala imprenditriċi brava b’karattru ferrieħi u bi mħabba għall-ħajja. Hija kienet tħobb issiefer u kellha d-delizzju tat-tisjir.
Il-każ li seħħ fil-Kanada ħalla total ta’ sitt persuni mejta – dan seħħ il-Ħadd li għadda f’appartament fiz-zona ta’ Vaughan, madwar 30 kilometru lejn it-Tramuntana ta’ Toronto. L-aggressur li kellu 73 sena spara tiri fatali lejn il-vittmi fejn wara spiċċa maqtul minn tiri wara konfront mal-istess pulizija.
Uffiċjali li waslu fil-post tal-isparatura sabu quddiemhom xena mill-aktar xokkanti, b’numru ta’ mejtin minxurin mal-art f’diversi appartamenti ta’ din il-blokka partikolari.
Il-vittmi huma Russel Manock ta’ 75 sena, Helen Manock ta’ 71 sena, Naveed Dada ta’ 59 sena u Vittorio Panza ta’ 79 sena li kellu relazzjoni ma’ Rita Camilleri … li wkoll spiċċat tilfet ħajjitha f’dan l-inċident.
Camilleri kienet membru fil-bord tal-kondominju tal-appartamenti fejn kienu jgħixu… bl-isparatura jidher li seħħet minħabba nuqqas ta’ qbil waqt laqgħa li kellhom.
Meta kienet qed titkellem mal-media, Marilyn Iafrate, Kunsilliera ta’ Vaughan qalet li kienet ilha ħbieb ta’ Camilleri u Panza għal dawn l-aħħar snin fejn iddeskrivithom bħala koppja b’qalb tad-deheb. Hi spjegat li Rita kienet residenta li kienet tgħin ħafna fil-komunità…u l-mewt tagħha inħasset minn dawk kollha li kienu ilhom żmien twil jafuha.
//= $special ?>