Lokali

“Nies fil-Ghana qalulna li wassalna l-Milied qabel” – Megan May Caruana

Esperjenza ta’ grupp ta’ Maltin fil-Ghana fejn in-nies tal-lokal iddeskrivew l-għajnuna li l-Maltin taw bħala barka mis-sema, u sostnew magħhom li rnexxielhom iġibu l-barka tal-Milied kmieni fil-komunitajiet li żaru

Fil-Ghana tesperjenza “dinja differenti fejn tapprezza dak li għandna, b’xewqa biex tgħin u tagħti aktar.”

Dan hu dak li qalet Megan May Caruana ma’ Net News wara li hi flimkien ma’ grupp ta’ Maltin oħra fix-xhur li għaddew żaru l-Ghana f’esperjenza ta’ volontorjat għal ġimagħtejn flimkien mal-Ghana Mission Foundation u HopeXchange.

Esperjenza illi permezz tagħha mhux biss telgħu jagħtu l-għajnuna iżda minnha ħadu ħafna lura.

“Tiġi lura Malta u tiftakar f’dak kollu li tgħallimt fejn għalkemm int titla’ biex tgħin, tispiċċa tirċievi ħafna int, ħafna lezzjonijiet. Rajna ħafna tbatijiet li Malta qatt ma rajna. Rajna sptar li nbena bi flus tal-Maltin, u anki skola, li qed jgħin ħafna lill-komunità” – Megan

L-isptar Malti li jinsab f’Kumasi qiegħed iħalli ħafna ġid fil-komunità tal-madwar fejn qiegħed iservi biex jagħti kura ferm aħjar.

Megan spjegatilna kif bil-ftit affarjiet li l-Maltin taw, irnexxielhom jassistu lil bosta, fejn fost l-oħrajn kien hemm uħud illi qalulhom li l-Milied dis-sena fil-komunità tagħhom ġie aktar kmieni mis-soltu, proprju grazzi għal din l-għajnuna.

“Ħadna l-ikel magħna, morna fil-komunitajiet u tajna l-affarjiet minn Malta. Dawn qalulna li l-Milied ġie qabel għalihom, wara ġietna l-idea li niġbru wkoll minn Malta, bagħtulna l-flus, u minn dak li qlajna xtrajna wkoll aktar ikel biex nagħtu aktar”

Saqsejna lil Megan liema kienet l-aktar esperjenza f’dawk il-jiem li għexu fil-Ghana li laqtitha fil-laħam il-ħaj, biż-żagħżugħa tistqarr magħna kif episodju partikolari ġiegħla tirrealizza li mill-ftit milli jkollhom, dawn in-nies xorta waħda jfittxu li jagħtu lil ħaddieħor.

“Niftakar darba minnhom morna f’komunità, tliet sigħat biex tasal bil-karozza, bil-miexi dawn żgur ma joħorġux mill-villaġġ tagħhom, u meta wasalna rajt tifla u tajtha ħelwa, qasmitha, laqitha u wara tatha lil ħaddieħor, f’dak il-mument tħoss qalbek ħierġa u tkun trid ittiha kollox li għandek”

Il-grupp ta’ Maltin għen kif seta’ f’dawk il-jiem li qatta’ fil-Ghana, fejn għallmu u lagħbu wkoll mat-tfal tal-komunità, iżda rnexxielhom wkoll jgħallmuhom xi kliem bil-Malti; inkluż kanzunetta popolari magħna l-Maltin: Xemx.

Ma’ Megan, il-Maltin li marru għal din l-esperjenza kienu Daniel Umanah, Victor Abela, Kevin Paul Calleja, Keane Cutajar u Amy Borg.