Sport

Volleyball: Birkirkara rebbieħa tat-turnew tal-Milied

L-ewwel edizzjoni tat-tournament tal-Milied organizzat minn Paola Volleyball Club intrebaħ minn Birkirkara meta rebħu ż-żewġ logħbiet tagħhom kontra Paola u Mġarr.

Fl-ewwel logħba tat-turnew, Birkirkara lagħbu kontra Mġarr fejn ħarġu rebbieħa bi skor ta’ 3-0.

Fit-tieni logħba, il-Karkariżi kellhom konfront iebes kontra Paola, li għalkemm jilagħbu fil-First Division League, tawhom battikata biex rebħu bl-iskor ta’ 3-2. Fl-aħħar logħba Paola rebħu kontra Mġarr f’logħba kombattuta bi skor ta’ 3-1.

Fi tmiem it-turnew, l-uffiċjali u l-plejers ta’ Birkirkara ġew preżentati bit-trofew mill-President ta’ Paola Volleyball Club, Dr Kenneth Vella, fil-preżenza tal-uffiċjali tal-klabb, Claire Falzon u Alexia Brincau. L-unur tal-aħjar plejer tat-turnew rebħitu Atira Jells tat-tim ta’ Paola.

Fi stqarrija, il-klabb ta’ Paola rringrazzja lil Marindex Trophies, Executive Security Services, Eclipse Technologies Limited u l-Malta Volleyball Association li bl-appoġġ tagħhom seta’ jittella’ dan it-turnew.