Alex Degabriele għeleb lil Liam Delicata bl-iskor ta’ 6-1 6-3 fil-finali tal-BOV Tennis Masters Tournament 2022 biex rebaħ it-tournament għat-tieni sena konsekuttiva.
Il-partita kienet ripetizzjoni tal-finali tas-sena l-oħra li kkonsolidat liż-żewġ żgħażagħ bħala l-futur tat-tennis Malti, b’Degabriele jerġa’ jirbaħ fuq l-avversarju tiegħu.
Il-BOV Masters Top 8 huwa organizzat mill-Federazzjoni Maltija tat-Tennis bl-appoġġ tal-Bank of Valletta, u jara l-aqwa plejers klassifikati li huma eliġibbli biex jirrappreżentaw lil Malta f’avvenimenti internazzjonali jilagħbu għall-aħħar unur tas- sena kalendarja.
Fl-ewwel sett, Degabriele rebaħ l-ewwel service tiegħu u kiseb break fuq is-service ta’ Delicata biex imur 2-0 fil-vantaġġ. Delicata kiseb break fuq is-service ta’ Degabriele biex għamel l-iskor 2-1 iżda Degabriele kompla jirbaħ l-4 logħbiet li jmis biex ħa l-ewwel sett 6-1. Degabriele kompla jilgħab b’mod aggressiv fit-tieni sett u kiser is-service ta’ Delicata darbtejn biex rebaħ is-sett 6-3 u l-partita.
Stefan Abela, Manager, CSR fi ħdan il-Bank of Valletta fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija tat-Tennis John Sciberras, id-Direttur Tekniku Stephen Caruana u d-Direttur tal-Kumitat Olimpiku Malti għall-Isport Charlene Attard, ippreżenta it-trofew lil Degabriele.
